News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
21/10/2020
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 10/2020
Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f’din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Awwissu 2020, u għalhekk tirrifletti l‑effetti tat‑tneħħija ta’ miżuri ta’ trażżin relatati mal‑COVID‑19 minn Mejju. Madankollu, mid‑19 ta’ Awwissu, wara żieda fl‑infezzjonijiet, ġew introdotti mill‑ġdid diversi miżuri ta’ trażżin li jaffettwaw l‑aktar lis‑settur tad‑divertiment. L‑aħħar data għall‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea u l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju tirreferi għal Settembru 2020.
F’Settembru, l‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju tjieb bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel u jindika li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi bdew ħerġin mill‑iktar livelli baxxi. Madankollu, l‑Indiċi jkompli jindika li l-attività ekonomika tibqa’ dgħajfa.
L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tela’ bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, iżda baqa’ sew taħt il‑livelli rreġistrati qabel il‑pandemija. Iż‑żieda f’dan l‑indikatur tirrifletti l‑aktar it‑titjib fis‑sentiment fis‑settur tas‑servizzi u fl‑industrija u, f’livell inqas, fis‑settur tal‑kostruzzjoni u fost il‑konsumaturi. B’kuntrast, kien hemm tnaqqis fil‑fiduċja fost il‑bejjiegħa. Is‑sentiment baqa’ negattiv fis‑setturi kollha.
F’Awwissu, il‑produzzjoni industrijali u l‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut naqsu f’termini annwali, għalkemm dan tal‑aħħar naqas b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ Lulju. In‑numru għal permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali kienu b’mod sinifikanti taħt il‑livelli tagħhom f’Awwissu 2019. B’kuntrast, in‑numru ta’ permessi għal żviluppi residenzjali maħruġa f’Awwissu żdied għall‑ewwel darba f’seba’ xhur.
In‑numru ta’ nies fuq ir‑reġistru tal‑qgħad u r‑rata tal‑qgħad naqsu meta mqabblin max‑xahar preċedenti, bir‑rata tal‑qgħad tibqa’ relattivament baxxa minn perspettiva storika.
L‑inflazzjoni baqgħet baxxa f’Awwissu u kompliet tbatti f’Settembru. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur għalqet it‑tielet trimestru fil‑livell ta’ 0.5%, filwaqt li l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut niżlet għal 0.2%.
Imqabbel mal‑bilanċ pożittiv osservat sena qabel, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit f’Awwissu. Dan jirrifletti l‑impatt fuq id‑dħul minn attività ekonomika aktar baxxa minħabba l‑imxija globali tal‑COVID‑19 u l‑miżuri ta’ sostenn pubbliku meħudin b’mod kontinwu mill‑gvern sabiex itaffi l‑effetti ekonomiċi tal‑pandemija.
Il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall‑COVID19. Il‑valur tas‑self lil households u kumpaniji li kienu soġġett għal moratorju sal‑aħħar ta’ Awwissu tela’ bi ftit għal €1.9 biljun, ekwivalenti għal 16.9% tas‑self pendenti. F’April, il‑Gvern nieda l‑Malta Development Bank COVID‑19 Guarantee Scheme sabiex jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu għal kapital operattiv lil negozji milqutin mill‑pandemija. Sal‑aħħar ta’ Awwissu, ġew approvati 412‑il faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €285.1 miljun.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju