News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
15/10/2020
Lil hinn minn “Lest jagħmel dak kollu li hu meħtieġ”: Il-BĊE jirrevedi l-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu
Artiklu minn Dr Mario Vella, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, kif ippubblikat fit‑Times of Malta u f’The Malta Business Weekly fil‑15 ta’ Ottubru 2020.
Ejja nammettuha, il‑lingwaġġ tal‑banek ċentrali ħafna drabi mhuwiex faċli biex jinftiehem mill‑pubbliku inġenerali. Il‑president tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Christine Lagarde, tkellmet dwar dan bla tlaqliq waqt diskors fit‑tnax‑il konferenza bit‑titlu ECB and its Watchers fit‑30 ta’ Settembru 2020 fi Frankfurt.
“Irridu nispjegaw ħafna aħjar lill-pubbliku inġenerali dwar x’qegħdin nagħmlu u għaliex, u rridu nitkellmu ma’ nies li normalment ma nikkomunikawx magħhom. Huwa importanti li dan jgħaddi mill-elementi kollha tar-reviżjoni li qed nagħmlu: l-għan tal-inflazzjoni tagħna, il-kejl tal-inflazzjoni li nużaw, l-għodod tagħna u l-effettività tagħhom, u kif inqisu sfidi ġodda li n-nies jimpurtahom minnhom, bħall-bidla fil-klima jew l-inugwaljanza. […] Il-politika monetarja tista’ tkun kredibbli biss jekk niżguraw li l-għanijiet tagħna verament jinftiehmu min-nies li naqdu u li dawn l-għanijiet ikunu l-għanijiet tagħhom ukoll. Bħala bank ċentrali indipendenti, aħna responsabbli u ser nibqgħu responsabbli għalihom.”
Il‑politika monetarja hija waħda mill‑għodod prinċipali tal‑politika ekonomika. Hi tinkludi l‑użu ta’ għodod immirati biex jinfluwenzaw l‑iżviluppi fil‑flus u fil‑kreditu, normalment permezz ta’ bidliet fir‑rati tal‑imgħax. Iż‑żamma tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet, jew iż-żamma tar‑rata tal‑inflazzjoni f’livell konsistenti ma’ livelli sostenibbli ta’ produzzjoni u impjiegi, hija ġeneralment meqjusa bħala l‑iktar kontribut importanti li l‑politika monetarja tista’ tagħmel għall‑ġid taċ‑ċittadini.
Malta adottat l‑euro bħala l‑munita tagħha f’Jannar 2008. Minn dakinhar, il‑BĊE sar responsabbli tal‑politika monetarja. Flimkien mal‑banek ċentrali l‑oħrajn kollha fiż‑żona tal‑euro, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jikkontribwixxi għat‑tfassil u l‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja. Bħala Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, għandi r‑responsabbiltà ta’ sħubija fil‑Kunsill Governattiv, l‑ogħla korp tat‑teħid ta’ deċiżjonijiet tal‑BĊE.
Fit‑23 ta’ Jannar ta’ din is‑sena, il‑Kunsill Governattiv nieda reviżjoni tal‑istrateġija tal‑politika monetarja tiegħu, li għandha l‑għan li tassigura l‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Dan hu l‑għan primarju tal‑BĊE, kif stabbilit fit‑Trattat fuq il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea. B’mod aktar speċifiku, il‑BĊE inkarigat li jżomm ir‑rati tal‑inflazzjoni taħt, imma qrib, it‑2% fil-perjodu medju. L‑istrateġija tal‑politika monetarja tal‑BĊE ġiet adottata l‑ewwel darba fl‑1998 u diversi elementi tagħha ġew ikkjarifikati fl‑2003.
Madankollu, sa mill‑2003, iż‑żona tal‑euro u l‑ekonomija dinjija kienu għaddejjin minn bidliet strutturali profondi. It‑tkabbir ekonomiku ddgħajjef: riflessjoni ta’ tnaqqis fil‑produttività u t‑tixjiħ tal‑popolazzjoni. Flimkien mal‑impatt tal‑kriżi finanzjarja globali (2007‑2008) u tal‑pandemija tal‑COVID‑19, dan wassal sabiex ir‑rati tal‑imgħax jitniżżlu għal livelli bla preċedent. Min‑naħa l‑oħra, dawn il-livelli baxxi tal-imgħax naqqsu l-kapaċità tal‑BĊE u banek ċentrali ewlenin oħrajn biex jiffaċilitaw il‑politika monetarja kif jagħmlu s-soltu, biex jirreaġixxu għal inflazzjoni li b’mod persistenti qed tkun taħt il-mira tagħhom, permezz tal‑użu ta’ strumenti konvenzjonali li jinkludu tnaqqis fir‑rata tal‑imgħax. Filwaqt li storikament l-inflazzjoni għolja kienet kwistjoni aktar urġenti, li jkollna inflazzjoni baxxa ħafna hija problematika għaliex tfixkel it‑tkabbir ekonomiku. It‑theddida għas‑sostenibbiltà ambjentali, l‑aċċellerazzjoni tad‑diġitalizzazzjoni, il‑globalizzazzjoni, u l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja biddlu wkoll l‑ambjent li fih topera l‑politika monetarja.
Bħala parti mir‑reviżjoni tal‑istrateġija, il‑Kunsill Governattiv ser jeżamina kif l‑istrateġija tal‑politika monetarja sostniet l‑implimentazzjoni tal‑mandat tal‑BĊE. It‑tfassil tal‑mira tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet, inkluż il‑livell tal‑mira tal‑inflazzjoni u l‑flessibbiltà tal‑limiti biex tintlaħaq il-mira, ser jidher b’mod prominenti f’dan l‑eżerċizzju.
Ir‑reviżjoni ser tikkunsidra wkoll kif fatturi oħrajn – bħall‑istabbilità finanzjarja, l‑impjiegi u s‑sostenibbiltà ambjentali – jistgħu jiġu kkunsidrati fit‑twettiq tal‑mandat tal‑BĊE. Il‑Kunsill Governattiv ser janalizza l‑effettività u l‑effetti sekondarji potenzjali tal‑istrumenti tal‑politika monetarja li implimenta matul l‑aħħar għaxar snin. Ser jeżamina kif għandha tiġi aġġornata l‑analiżi tas‑sitwazzjoni ekonomika u monetarja, li permezz tagħha l‑BĊE jivvaluta r‑riskji għall‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Il‑Kunsill Governattiv ser jesplora wkoll l‑interazzjoni bejn il‑politika monetarja u dik fiskali. Fl‑aħħar, iżda ċertament mhux l‑inqas, ser jirrevedi l‑prattiċi tiegħu tal‑komunikazzjoni. Ir‑reviżjoni tal‑istrateġija għandha tiġi konkluża sa nofs l‑2021.
Il‑BĊE, flimkien mal‑banek ċentrali kollha fiż‑żona tal‑euro, ser jinvolvi ruħu ma’ varjetà ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi membri tal‑Parlament Ewropew, akkademiċi u rappreżentanti tas‑soċjetà ċivili. Il‑BĊE stess ser jorganizza avveniment ta' smigħ għall‑membri tas‑soċjetà ċivili fil‑21 ta’ Ottubru 2020.
Dawn ser jittellgħu lejn l‑aħħar ta’ din is‑sena, u huma mmirati għall‑imsieħba soċjali, gruppi tas‑soċjetà ċivili, u l‑pubbliku inġenerali bil‑ħsieb li jinftiehmu l‑perċezzjonijiet u l‑fehmiet tagħhom dwar il‑politika monetarja tal‑BĊE. Ir‑rispons li nirċievu ser jipprovdi kontribut siewi għad‑deliberazzjonijiet tal‑Kunsill Governattiv.
F’Lulju 2012, Mario Draghi ddikjara li “Il‑BĊE lest jagħmel dak kollu li hu meħtieġ”. Din id-dikjarazzjoni ħadmet. Kliemu wrew l‑importanza ta’ komunikazzjoni effettiva għall‑banek ċentrali. Aħna ser ngħożżu din l‑esperjenza.
Il‑Bank ser jorganizza avveniment ta' smigħ pubbliku virtwali fl‑14 ta’ Diċembru, li matulu ser issir preżentazzjoni mill‑Bank, u wara l‑partijiet ikkonċernati ser ikollhom l‑opportunità li jagħtu l‑fehmiet tagħhom. Aktar dettalji jingħataw fiż‑żmien xieraq. Madankollu, rispons u talbiet għal parteċipazzjoni jistgħu jintbagħtu diġà bl‑email.

Lura lejn l-Arkivju