News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

29/09/2020

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jisponsorja kelb tad-Dwana biex jgħin fl-ispezzjonijiet

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta sponsorja l‑akkwist ta’ kelb tat‑tfittxija li ser ikun utilizzat mid‑Dipartiment tad‑Dwana sabiex ixammem il‑flus kontanti u kif ukoll id‑drogi.

Id‑Dipartiment tad‑Dwana ilu juża l‑klieb tat‑tfittxija sa mill‑1994. Madankollu, fl‑2017 sar ristrutturar fit‑Taqsima u attwalment għandha tmien skwadri tal‑klieb li jistgħu jidentifikaw varjetà ta’ sustanzi illegali, flimkien mat‑tabakk u l‑flus kontanti.

Il‑kelb li ġie sponsorjat mill‑Bank bl‑isem ta’ Żekkin huwa Labrador ta’ sentejn. Din ir‑razza hija waħda mill‑iktar razez popolari għall‑klieb tat‑tfittxija, għalkemm it‑Taqsima tad‑Dwana Maltija għandha wkoll Springer Spaniels. Il‑klieb jintużaw għall‑iskop ta’ identifikazzjoni minħabba li s‑sens tagħhom tax‑xamm huwa sa erbgħin darba aħjar minn dak tal‑bniedem.

Żekkin kien imħarreġ mill‑Forza tal‑Fruntiera tar‑Renju Unit, li hija meqjusa bħala forza dinjija fl‑ispeċjalizzazzjoni relatata mat‑taħriġ u l‑immaniġġjar tal‑klieb tat‑tfittxija. Żekkin ser jingħaqad ma’ handler ikkwalifikat tad‑Dwana, simili għall‑klieb l‑oħrajn tad‑Dipartiment.

Wara li jgħaddu minn test rigoruż sabiex jintgħażlu, il‑klieb huma ġeneralment irreġistrati għall‑programm ta’ taħriġ meta jkollhom bejn sena u sentejn, u jridu jgħaddu mill‑inqas tmien ġimgħat sabiex il‑kelb jiġi mħarreġ fir‑Renju Unit, segwit minn aktar taħriġ mar‑ritorn tiegħu f’Malta, flimkien mal‑handler tiegħu. L‑iskwadra l‑ġdida tal‑klieb imbagħad meħtieġa tgħaddi minn evalwazzjoni qabel ma tingħata liċenzja operattiva. Il‑liċenzja trid tiġi mġedda kull sena mill‑għalliem tal‑klieb tal‑Forza tal‑Fruntiera wara li jsir test.

Żekkin hu msejjaħ kelb duwali għaliex imħarreġ biex jidentifika d‑drogi u kif ukoll il‑flus, f’varjetà ta’ kuntesti li jvarjaw mill‑ajruport u l‑port tal‑baħar, għal imħażen postali u ħwienet kummerċjali.

Bħal ħafna pajjiżi oħrajn, Malta għandha l‑limitu legali ta’ €10,000 fuq l‑ammont ta’ flus kontanti mhux iddikjarati li jistgħu jinġarru minn vjaġġatur li jasal, jitlaq jew jgħaddi mill‑gżira. Vjaġġaturi li jġorru magħhom ammont li jaqbeż l‑€10,000 huma obbligati legalment jiddikjaraw it‑tali ammonti mad‑Dipartiment tad‑Dwana qabel il‑bidu tal‑vjaġġ tagħhom. Dan il‑limitu hu mmirat biex irażżan l‑attività illeċita, inkluż il‑ħasil ta’ flus minn attivitajiet illegali, u l‑finanzjament tat‑terroriżmu.

Lura lejn l-Arkivju