News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

28/09/2020

Storiku bankarju jagħti donazzjoni ta' kotba lill-Bank Ċentrali ta' Malta

L-istoriku bankarju John A. Consiglio ta donazzjoni ta’ għażla ta’ kotba mil-librerija personali tiegħu lill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

L-għażla tinkludi xi volumi diffiċli biex issibhom dwar l-istorja bankarja li bla dubju ser jikkumplimentaw il-kollezzjoni estensiva tal-librerija tal-Bank.

Wara li studja f’xi wħud mill-universitajiet tal-ogħla livell madwar id-dinja, is-Sur Consiglio qatta’ aktar minn erbgħin sena jaħdem ma’ banek kummerċjali u kien ukoll lekċerer fl-Università ta’ Malta. Serva wkoll fuq il-Bord tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, u huwa ċ-Chairman tar-Revenue Remissions Supervisory Board fid-DIpartiment tal-Income Tax.

L-imħabba tiegħu għall-istorja bankarja wasslet lis-Sur Consiglio jikteb diversi kotba u bosta artikli dwar il-finanzi u l-istorja bankarja f’Malta u fil-Mediterran. Il-ktieb tiegħu tal-2006 dwar l-istorja tal-attività bankarja f’Malta jibqa’ l-uniku reġistru storiku komprensiv s’issa dwar is-suġġett.

“Il-librerija ta’ persuna hija triq li tinbena ma’ kull ktieb miżjud mal-kollezzjoni personali tagħha; u kull ktieb huwa pass lejn orizzont usa’. Li tagħti parti minnha hija ekwivalenti għal li tagħti parti minnek innifsek”, qal is-Sur Consiglio.

Id-donazzjoni tas-Sur Consiglio ssaħħaħ l-impenn tal-Bank li jagħmel il-librerija ċentru għad-dibattitu u r-riċerka fl-oqsma tal-attività bankarja, l-ekonomija, il-finanzi u l-boroż soċjali ta’ studju.

Għal aktar informazzjoni dwar il-librerija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jekk jogħġbok żur hawn.

John A. Consiglio

Lura lejn l-Arkivju