News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

23/09/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 9/2020

Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f’din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Lulju 2020, u għalhekk tirrifletti l‑impatt tat‑tneħħija ta’ miżuri ta’ trażżin relatati mal‑COVID‑19 minn Mejju. Madankollu, l‑aħħar data għall‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea u l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju tirreferi għal Awwissu 2020. Mid‑19 ta’ Awwissu, diversi miżuri ta’ trażżin li jaffettwaw is‑settur tad‑divertiment ġew introdotti mill‑ġdid.

Id‑data dwar it‑turiżmu għal Lulju kienet miġbura u ppubblikata hekk kif l‑ajruport u l‑port reġgħu nfetħu. B’effett mit‑22 ta’ Awwissu, żdiedet il‑lista oranġjo mal‑lista l‑ħamra u dik ħadra tal‑ivvjaġġar, li tfisser li t‑turisti li jkunu ġejjin mill‑pajjiżi ta’ fuq il‑lista jridu jippreżentaw test negattiv tal‑COVID‑19 qabel jivvjaġġjaw.

F’Awwissu, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju tjieb bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel. Madankollu, l‑indiċi baqa’ b’mod sinifikanti taħt il‑medja tiegħu minħabba x‑xenarju ekonomiku eċċezzjonali kkawżat mill‑COVID‑19.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tela’ bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, filwaqt li baqa’ notevolment taħt il‑livelli rreġistrati qabel il‑pandemija. Iż‑żieda f’dan l‑indikatur tirrifletti l‑iktar it‑titjib fis‑sentiment fis‑settur tas‑servizzi u fl‑industrija u, ftit inqas, fost il‑bejjiegħa. B’kuntrast, kien hemm tnaqqis fil‑kunfidenza fis‑settur tal‑kostruzzjoni u fost il‑konsumaturi. Is‑sentiment baqa’ negattiv fis‑setturi kollha.

F’Lulju, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut u l‑produzzjoni industrijali naqsu f’termini annwali, għalkemm b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla mal‑istess rata f’Ġunju. It‑tkabbir annwali fil‑permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali u residenzjali baqa’ negattiv, għalkemm in‑numru ta’ permessi għal żvilupp residenzjali maħruġin sa mill‑bidu tas‑sena baqa’ ogħla mill‑medja storika.

In‑numru ta’ nies fuq ir‑reġistru tal‑qgħad u r‑rata tal‑qgħad naqsu meta mqabblin max‑xahar preċedenti, bir‑rata tal‑qgħad tibqa’ relattivament baxxa minn perspettiva storika.

L‑inflazzjoni baqgħet f’livelli baxxi f’Lulju hekk kif batta t‑tkabbir fil‑prezzijiet għall‑konsumatur. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur niżlet għal 0.7% f’Lulju, minn 1.0% f’Ġunju, filwaqt li l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut niżlet bi ftit għal 0.6%.

Imqabbel mal‑bilanċ pożittiv irreġistrat sena qabel, f’Lulju, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit li jirrifletti l‑impatt fuq id‑dħul mit‑tnaqqis fl‑attività ekonomika minħabba l‑imxija globali tal‑COVID‑19, u n‑nefqa assoċjata mal‑miżuri ta’ sostenn meħudin mill‑gvern sabiex jittaffew l‑effetti ekonomiċi tal‑pandemija.

Il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall‑COVID‑19. Il‑valur tas‑self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal‑aħħar ta’ Ġunju tela’ bi ftit għal €1.8 biljun, ekwivalenti għal 16.0% tas‑self pendenti relatat. F’April, il‑Gvern nieda l‑Malta Development Bank COVID‑19 Guarantee Scheme bil‑għan li jiggarantixxi self ġdid għall‑kapital operatorju mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil negozji milqutin mill‑pandemija. Sal‑aħħar ta’ Lulju ġew approvati 340 faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €238.0 miljun.

Din l‑edizzjoni tal‑Aġġornament Ekonomiku tinkludi wkoll analiżi tal‑impatt taż‑żieda riċenti fil‑valur tal‑euro kontra d‑dollaru Amerikan fuq is‑settur tal‑manifattura ta’ Malta.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju