News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

01/09/2020

Webinar: The impact of the pandemic on European sovereign ratings – Fitch Ratings’ Approach

Hemm sinjali li April irreġistra l‑iktar livell baxx tar‑riċessjoni fl‑Ewropa tal‑Punent u li l‑irkupru qiegħed joqrob. Madankollu, iż‑żieda fil‑każijiet tal‑virus f'diversi pajjiżi tagħti stampa inċerta ħafna. It‑tnaqqis drastiku li kien hemm s'issa din is‑sena fl‑attività ekonomika u r‑reazzjonijiet ta' politika jindikaw tnaqqis qawwi fil‑finanzi pubbliċi, li poġġew lill‑klassifikazzjonijiet sovrani tal‑Ewropa tal‑Punent taħt pressjoni.

Michele Napolitano, kap tat‑tim sovran tal‑Ewropa tal‑Punent ta' Fitch Ratings, ser jiddiskuti l‑approċċ ta' Fitch fir‑rigward tal‑klassifikazzjonijiet sovrani f'dan il‑kuntest diffiċli, waqt webinar pubbliku mtella' mill‑Bank Ċentrali ta' Malta li ser isir fl‑14 ta' Settembru fil‑11am.

F'dan il‑webinar, hu ser jiddiskuti s‑suġġetti li ġejjin:

  • l‑impatt tal‑kreditu tal‑kriżi tal‑coronavirus fuq il‑klassifikazzjonijiet sovrani tal‑Ewropa tal‑Punent: Il‑metodu analitiku ta' Fitch;
  • kif ix‑xenarju tar‑rata "iktar baxxa għal żmien itwal" jaffettwa l‑evalwazzjoni tal‑klassifikazzjoni ta' Fitch;
  • l‑impatt tal‑Fond Ewropew għall‑Irkupru fuq il‑klassifikazzjonijiet ta' Fitch u diskussjoni dwar jekk dan jikkostitwixxix l‑ewwel pass lejn unjoni fiskali żviluppata għalkollox;
  • azzjonijiet ta' klassifikazzjoni tas‑sena s'issa u l‑bidliet fil‑prospetti tal‑Ewropa tal‑Punent.

Il‑parteċipazzjoni hija bla ħlas iżda dawk interessati għandhom jibagħtu email fuq [email protected] sabiex tingħatalhom link għall‑webinar.

Mr Napolitano għandu BSc fl‑ekonomiji internazzjonali mill‑Università ta' Trieste (l‑Italja) u MSc fl‑ekonomija minn Birkbeck College tal‑Università ta' Londra. Reġa' ngħaqad ma' Fitch Ratings f'Diċembru tal‑2016 mill‑Barclays Investment Bank fejn kien jokkupa l‑kariga ta' senior economist fir‑Risk Department tagħhom. Qabel dan, Michele ħadem erba' snin ma' Fitch Ratings fejn okkupa diversi rwoli analitiċi fis‑Sovereign Ratings Group, fi ħdan it‑timijiet Emerġenti u tal‑Ewropa tal‑Punent. 

Qabel ma ngħaqad ma' Fitch, Mr Napolitano kien konsulent ekonomiku għad‑Department of Business, Innovation and Skills (BIS) tar‑Renju Unit u senior economist għall‑Economist Intelligence Unit (EIU).

Lura lejn l-Arkivju