News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

19/08/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 8/2020

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f’din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Ġunju 2020, u għalhekk tirrifletti l-impatt tat-tneħħija ta’ miżuri ta’ trażżin relatati mal-COVID-19 minn Mejju. Madankollu, l-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku (ESI) tal-Kummissjoni Ewropea u l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju (BCI) tirreferi għal Lulju 2020. Sadattant, id-data dwar it-turiżmu għal April, Mejju u Ġunju ma ġietx ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika minħabba li l-ajruport u l-port kienu magħluqin f’dawk ix-xhur.

F’Lulju, il-BCI tal-Bank Ċentrali ta’ Malta żdied bi ftit meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, u jimplika li l-kundizzjonijiet ekonomiċi setgħu laħqu l-iktar livelli baxxi. Madankollu, l-indiċi baqa’ notevolment aktar dgħajjef mill-medja storika tiegħu.

L-ESI tela’ bi ftit meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, u baqa’ notevolment taħt il-livelli rreġistrati qabel il-pandemija. Iż-żieda fl-ESI tirrifletti l-iktar titjib fis-sentiment fis-settur tas-servizzi u fl-industrija. Is-sentiment fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi tjieb ukoll, iżda niżel fl-iżjed livell baxx storikament fost il-bejjiegħa. Il-livell aktar baxx mill-medja tal-ESI jirrifletti l-aktar is-sentiment iżjed dgħajjef mis-soltu fis-servizzi u l-industrija. Fis-setturi l-oħrajn kollha, is-sentiment qiegħed fuq, jew marġinalment biss taħt, il-medja fuq żmien twil.

F’Ġunju, il-volum tal-bejgħ bl-imnut u l-produzzjoni industrijali naqsu f’termini annwali, għalkemm ir-rata ta’ tnaqqis kienet iżgħar meta mqabbla mal-istess rata f’Mejju. It-tkabbir annwali fil-permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali u residenzjali baqa’ negattiv, għalkemm in-numru ta’ permessi residenzjali maħruġa sa mill-bidu tas-sena jibqa’ akbar mill-medja storika.

In-numru ta’ nies fuq ir-reġistru tal-qgħad u r-rata tal-qgħad naqsu meta mqabblin max-xahar preċedenti, bir-rata tal-qgħad tibqa’ relattivament baxxa minn perspettiva storika.

F’Ġunju kien hemm żieda marġinali fil-prezzijiet għall-konsumatur iżda l-inflazzjoni baqgħet f’livelli baxxi. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.0% f’Ġunju, minn 0.9% f’Mejju, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) baqgħet l-istess fil-livell ta’ 0.7%.

Il-pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l-iżviluppi fil-finanzi pubbliċi u tinnota li d-defiċit fil-Fond Konsolidat, ibbażat fuq dħul u nfiq attwali, żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, minħabba żieda sostanzjali fl-infiq tal-Gvern u tnaqqis kbir fid-dħul.

Din il-pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall-COVID19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġett għal moratorju sal-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ €1.7 biljun, ekwivalenti għal 15.0% tas-self pendenti relatat. F’April, il-Gvern nieda l-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme (CGS) bil-għan li jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu għal ħtiġijiet ta’ kapital operatorju lil negozji milqutin mill-pandemija. Sal-aħħar ta’ Ġunju ġew approvati 255 faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €161.1 miljun.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il-kummerċ internazzjonali u s-swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju