News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

24/07/2020

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – It-Tielet Ħarġa tal-2020

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas‑sena 2020. Din l‑edizzjoni tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2020. L‑informazzjoni ppreżentata tirrifletti l‑impatt inizjali tal-miżuri tat-trażżin tal‑COVID‑19 fuq l‑ekonomija.

Ir‑Rivista tinnota li r‑ritmu tal‑attività ekonomika batta drastikament fl‑ewwel trimestru tal‑2020 minħabba l‑impatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jiżdied b’0.5% biss f’termini annwali, wara żieda ta’ 4.8% fir‑raba’ trimestru tal‑2019. It‑tnaqqis fit‑tkabbir kien primarjament ikkawżat minn tnaqqis drastiku fid‑domanda domestika. Kien hemm tnaqqis ukoll fl‑esportazzjoni netta, għalkemm din baqgħet f’livelli pożittivi. It‑tkabbir annwali f’Malta matul l‑ewwel trimestru tas‑sena jikkompara b’mod favorevoli ma’ dak fiż‑żona tal‑euro, hekk kif il‑PDG reali taż‑żona tal‑euro naqas bi 3.0% matul l‑istess perjodu.

It‑tkabbir potenzjali mmodera għal 3.3% minn 5.0% fit‑trimestru preċedenti. Il‑bilanċ pożittiv, imkejjel bħala moving average fuq erba’ trimestri, naqas meta mqabbel mal‑aħħar trimestru tal‑2019.

L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel sew matul l‑ewwel trimestru tal‑2020, primarjament minħabba l‑impatt ekonomiku tal‑COVID‑19. It‑tnaqqis fl‑indiċi jindika li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi naqsu b’mod sinifikanti taħt il‑medja storika tagħhom.

Is‑suq tax‑xogħol wera livell ta’ reżiljenza sinifikanti fil-kuntest tal‑iskala tal‑iskoss ekonomiku kkawżat mill‑pandemija, għalkemm dan parzjalment irrifletta wkoll l‑aspettattivi tal‑miżuri ta’ sostenn fiskali. L‑impjiegi komplew jiżdiedu u r‑rata tal‑qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta’ 3.3%, inqas minn dik irreġistrata sena qabel u ferm taħt ir‑rata medja għaż‑żona tal‑euro – li kienet fil‑livell ta’ 7.5% – għalkemm ftit ogħla mir-rata ta’ 3.2% irreġistrata fl‑aħħar trimestru tal‑2019. Madankollu, id‑data dwar is‑suq tax‑xogħol għall‑ewwel trimestru tas‑sena tista’ ma tirriflettix għalkollox l‑impatt tal‑COVID‑19, hekk kif il‑miżuri ewlenin ta’ trażżin daħlu fis‑seħħ fit‑tieni nofs ta’ Marzu. Barra minn dan, informazzjoni supplimentari tissuġġerixxi li l‑effetti tal‑pandemija kienu aktar riflessi fis‑sigħat maħduma, milli fit‑tnaqqis tal‑ħaddiema.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur immoderat għal 1.2% f’Marzu, minn 1.3% f’Diċembru 2019, primarjament minħabba tkabbir inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tas‑servizzi u t‑tnaqqis fil‑prezzijiet tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li tqis biss l‑infiq tar‑residenti f’Malta, battiet għal 1.1%.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel, hekk kif naqas id‑dħul u żdied l‑infiq. Id‑deterjorament fil‑finanzi pubbliċi primarjament jirrifletti l‑impatt negattiv tal‑pandemija COVID‑19. B’mod partikolari, attività aktar dgħajfa u l‑posponiment tal‑ħlasijiet tat‑taxxa kienu riflessi fi dħul aktar baxx mit‑taxxi, filwaqt li l‑miżuri ta’ sostenn fiskali żiedu l-infiq tal‑gvern. Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra defiċit ta’ 1.7% tal‑PDG. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali fil‑PDG tela’ għal 44.4% matul l‑ewwel trimestru tal‑2020, minn 42.9% fl‑aħħar ta’ Diċembru. Is-sehem tal‑valur finanzjarju nett fil‑PDG iddeterjora, hekk kif żieda fl‑istokk tal‑assi finanzjarji miżmuma mill‑gvern kienet megħluba minn żieda iktar qawwija fl‑obbligazzjonijiet finanzjarji.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul l‑ewwel trimestru tal‑2020, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Madankollu, il‑BĊE ħabbar ukoll pakkett ta’ miżuri addizzjonali tal‑politika monetarja sabiex jiġġieled id‑diffikultajiet ekonomiċi u l‑livell għoli ta’ inċertezza li ġabet il‑pandemija. Aktar miżuri tħabbru fit‑tieni trimestru tas‑sena.

Dawn il‑miżuri, flimkien ma’ azzjoni bla preċedent meħuda mis‑superviżuri u l‑awtoritajiet fiskali, għandhom jgħinu biex isostnu l-kreditu lis‑settur privat u biex jipprovdu sostenn lill‑ekonomija biex terġa tirkupra. Fil‑fatt, l-aħħar informazzjoni tindika l‑bidu ta’ rkupru globali u fiż‑żona tal‑euro, għalkemm l-irkupru huwa minn livelli iktar baxxi. Madankollu, il‑prospetti jibqgħu inċerti u dipendenti mill‑evoluzzjoni tal‑pandemija u l‑iżvilupp ta’ soluzzjoni medika.

Ir‑Rivista tiġbor fil‑qosor ir‑riżultati ewlenin ta’ studju dwar l‑impatt taż‑żieda fl‑età tal‑pensjoni fuq l‑imġiba ta’ rġiel u nisa fis‑suq tax‑xogħol. Ir‑Rivista tippreżenta wkoll analiżi tad‑differenzi ewlenin bejn is‑symmetric input‑output tables (SIOT) għal Malta ppreżentati fil‑World Input Output Database (WIOD) u dawk ippubblikati mill‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika. Finalment, ir‑Rivista tinkludi wkoll ir‑riżultati ta’ studju dwar id‑daqs tal‑ekonomija parallela Maltija.

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għall‑2020 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. 

QR 2020:3 - Infographic

Lura lejn l-Arkivju