News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

24/07/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ munita u sett datat li juru t-Tempji ta’ Skorba

Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita kommemorattiva ġdida taż-€2 li turi t-tempji preistoriċi Ta’ Skorba. Din il-munita ser tkun il-ħames minn serje ta’ seba’ muniti ddedikati għal siti preistoriċi uniċi ta’ Malta.

Ta’ Skorba, sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO, jinsabu fiż-Żebbiegħ, fil-limiti tal-Imġarr. Il-fdalijiet tat-tempji – li huwa maħsub li jmorru lura għal madwar is-sena 3,500 QK – inbnew fuq bażi ta’ residenza preċedenti li tmur lura madwar is-sena 5,000 QK.

Is-sit inġieb l-ewwel darba għall-attenzjoni ta’ Temi Zammit fil-bidu tas-seklu għoxrin. Saru xi investigazzjonijiet arkeoloġiċi fl-1937, iżda s-sit baqa’ prattikament ma ntmessx qabel il-kampanji ta’ skavar mill-arkeologu Brittaniku David H. Trump fis-snin sittin.

It-tempji Ta’ Skorba mhumiex l-iktar tempji ppreservati fil-gżejjer Maltin u m'għandhomx il-maestożità ta’ tempji megalitiċi oħrajn. Madankollu, is-sit ipprovda informazzjoni importanti għall-istudju u l-fehim tal-preistorja Maltija.

Dawn il-muniti kommemorattivi kienu maħdumin f’verżjoni għaċ-ċirkolazzjoni fil-Monnaie de Paris fi Franza. In-naħa ta’ wara tal-munita turi n-naħa komuni taż-€2. In-naħa ta’ quddiem (in-naħa nazzjonali) kienet iddisinjata minn Noel Galea Bason, u turi rappreżentazzjoni tal-fdalijiet tat-tempji Ta’ Skorba. Il-ħruġ hu limitat għal 170,000 munita, li 150,000 minnhom ser jinħarġu fi stoċċijiet u 20,000 ser ikunu disponibbli f’coin cards. Il-prezz ta’ stoċċ ta’ 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta’ coin card huwa €7.

Fl-istess ġurnata, il-Bank ser joħroġ ukoll sett datat 2020 li jinkludi t-tmien muniti tal-euro Maltin datati 2020 u munita kommemorattiva taż-€2 li turi t-tempji preistoriċi Ta’ Skorba. Il-muniti kollha fis-sett huma ta’ kwalità brilliant uncirculated, u kienu maħduma fil-Monnaie de Paris fi Franza. Is-settijiet – li l-istampar tagħhom ser ikun limitat għal 10,000 sett – ser jiġu ppreżentati f’blister pack attraenti u ser jinbiegħ għall-prezz ta’ €26.

Il-klijenti huma mħeġġin jagħmlu pre-order mil-lum mill-e-shop tal-Malta Coin Centre jew mill-counter tal-Malta Coin Centre fil-binja prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, li hu miftuħ matul il-ġimgħa bejn it-8.00am u 12.00pm, esklużi l-btajjel pubbliċi.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Skorba Coin                            Skorba Coin Card

 

Skorba Dated Set

Lura lejn l-Arkivju