News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

24/07/2020

Gloster Gladiators magħżulin għal munita tal-fidda li tfakkar il-75 sena mit-Tieni Gwerra Dinjija

Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-Malta Coin Centre (MCC) tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita numiżmatika tal-fidda li tfakkar il-75 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.

In-naħa ta’ quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta’ Malta, filwaqt li n-naħa ta' wara turi tliet ajruplani tat-tip Gloster Gladiator jittajru fuq il-gżejjer Maltin. L-artist – Noel Galea Bason – għażel dawn l-ajruplani leġġendarji, imlaqqmin Faith, Hope u Charity, għaliex jirrappreżentaw il-ġlieda inugwali li kellha Malta kontra l-potenzi qawwijin tal-Assi, u jibqgħu wieħed mis-simboli dejjiema tal-esperjenza ta’ gwerra ta’ Malta.

It-Tieni Gwerra Dinjija faqqgħet fl-1 ta’ Settembru 1939 bl-invażjoni tal-Polonja mill-Ġermanja Nazista. Malta, li kienet tagħmel parti mill-Imperu Brittaniku, baqgħet relattivament mhux affettwata sakemm l-Italja ddikjarat gwerra kontra l-Gran Brittanja fl-10 ta’ Ġunju 1940. Malta sofriet l-ewwel air raid il-ġurnata ta’ wara. Dan kien il-bidu ta’ tliet snin sofferenzi li matulhom Malta ġarrbet aktar minn 3,000 twissija dwar rejd li matulhom twaqqgħu madwar 16-il elf tunnellata ta’ bombi fuq il-gżejjer. Malta kienet ibbumbardjata bla heda, iżolata u kważi sfurzata ċċedi bil-ġuħ. Madankollu, in-nies u d-difensuri ta’ Malta ddominaw quddiem l-avversità, il-mewt, it-telf u l-privazzjoni.

It-Tieni Gwerra Dinjija, bil-legat tagħha ta’ mewt, ġenoċidju u pajsaġġi meqrudin, kienet l-iktar gwerra qerrieda fl-istorja umana. Il-gwerra fl-Ewropa spiċċat fit-8 ta’ Mejju 1945, filwaqt li fil-Lvant Imbiegħed u fl-Oċean Paċifiku spiċċat fil-15 ta’ Awwissu 1945.

Il-muniti, li għandhom valur nominali ta’ €10, huma limitati għal 2,000 munita u nħadmu mir-Royal Dutch Mint. Kull munita hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 gramma, għandha dijametru ta’ 38.61 millimetru u maħduma f’verżjoni proof.

Il-klijenti huma mħeġġin jagħmlu pre-order tal-muniti, li ser jinbiegħu għall-prezz ta’ €65, mil-lum mill-e-shop tal-MCC jew mill-counter tal-MCC fil-binja prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, li hu miftuħ matul il-ġimgħa bejn it-8.00am u 12.00pm.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

WWII Coin

Meta Malta sofriet l-ewwel attakki bl-ajru, fil-11 ta' Ġunju 1940, il-gżira kienet nieqsa minn ajruplani tal-gwerra
ħlief għal tliet ajruplani navali tat-tip Sea Gladiator - iktar tard imlaqqmin Faith, Hope u Charity - li ttieħdu mir-Royal Air Force.
Dawn il-'ftit' ajruplani żgħar irrappreżentaw il-ġlieda inugwali kontra l-potenzi qawwijin tal-Assi.
Ritratt: Heritage Malta.

Lura lejn l-Arkivju