News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

23/07/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 7/2020

Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f'din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Mejju 2020, u għalhekk tirrifletti l‑impatt tal‑ewwel illaxkar gradwali tal‑miżuri ta’ trażżin relatati mal‑COVID‑19 li daħlu fis‑seħħ fl‑4 u fit‑22 ta’ Mejju. Madankollu, l‑aħħar data għall‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku (ESI) tal‑Kummissjoni Ewropea u l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) tirreferi għal Ġunju 2020. Għalhekk, dawn jistgħu jirriflettu l‑impatt ta’ tneħħija ta’ aktar miżuri ta’ trażżin b’effett mill‑5 ta’ Ġunju. Sadattant, id‑data dwar it‑turiżmu għal April u Mejju ma ġietx ippubblikata mill‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika minħabba li l‑ajruport u l‑portijiet kienu magħluqin f’dawk ix‑xhur.

F’Ġunju, il‑BCI tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta naqas bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, u jimplika li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi setgħu niżlu fl‑iktar livelli baxxi, għalkemm jibqgħu notevolment aktar dgħajfin mill‑medja storika tagħhom u komparabbli ma’ dawk fl‑2009.

L‑ESI baqa’ prattikament l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel hekk kif tnaqqis fil‑fiduċja fis‑servizzi u fl‑industrija kien kważi kollu megħlub minn titjib fis‑sentiment fis‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut u fost il‑konsumaturi, bil‑fiduċja fost il‑konsumaturi terġa’ taqbeż il‑medja storika tagħha. Kien hemm titjib ukoll, għalkemm marġinali, fis‑sentiment fis‑settur tal‑kostruzzjoni. Madankollu, l‑ESI jibqa’ ferm inqas mill‑medja storika.

F’Mejju, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut u l‑produzzjoni industrijali naqsu f’termini annwali, għalkemm ir‑rata ta’ tnaqqis kienet iżgħar meta mqabbla mal‑istess rata f’April. It‑tkabbir annwali fil‑permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali u residenzjali baqa’ negattiv, għalkemm in-numru ta’ permessi residenzjali jibqa’ fuq il‑medja storika.

In‑numru ta’ nies fuq ir‑reġistru tal‑qgħad u r‑rata tal‑qgħad komplew jiżdiedu bi ftit, iżda baqgħu relattivament baxxi minn perspettiva storika.

Il‑prezzijiet għall‑konsumatur żdiedu b’ritmu inqas mgħaġġel f’Mejju. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) naqset għal 0.9% minn 1.1% f’April, filwaqt li l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) niżlet għal 0.7% minn 0.8% fix‑xahar ta’ qabel.

Il‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li d‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, minħabba żieda sostanzjali fl‑infiq tal‑Gvern u tnaqqis kbir fid‑dħul minħabba l‑impatt tal‑pandemija tal‑COVID19.

Din il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall‑COVID19. Il‑valur tas‑self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal‑aħħar ta’ Mejju kien ta’ €1.6 biljun, ekwivalenti għal 13.9% tas‑self pendenti relatat. Iż-żieda minn April kienet relattivament żgħira. Dan jindika li l‑ħtiġijiet ta’ likwidità jistgħu jkunu bdew jistabbilizzaw. Sadattant, il‑Gvern nieda l‑Malta Development Bank COVID‑19 Guarantee Scheme (CGS) bil‑għan li jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu għal ħtiġijiet ta’ kapital operatorju lil negozji milqutin mill‑pandemija. Sal‑aħħar ta’ Mejju ġew approvati 143 faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €68.5 miljun.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju