News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

03/07/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jaġġorna d-Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta’ Pagament

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta llum ippubblika test aġġornat tad-Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta’ Pagament. Din id-Direttiva timplimenta l-provvedimenti ta’ Titoli III u IV tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD2): Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tirrevoka d-Direttiva 2007/64/KE, oriġinarjament ippubblikata fid-9 ta’ Jannar 2018.

F’Novembru 2019, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) ppubblikat Linji Gwida dwar l-ICT u l-Maniġġ tar-Riskji għas-Sigurtà tal-Fornituri tas-Servizzi ta’ Pagament (PSPs) taħt id-Direttiva (UE) 2015/2366. Dawn il-Linji Gwida qed jirrevokaw l-Linji Gwida tal-ABE maħruġin qabel dwar il-Miżuri ta’ Sigurtà għar-Riskji Operazzjonali u għas-Sigurtà u daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2020. Għal dan il-għan, il-Bank emenda Annex 3 tad-Direttiva Nru 1 li issa tirrifletti r-rekwiżiti l-ġodda.

Din l-Annex tispeċifika kif il-PSPs għandhom jimmaniġġjaw l-ICT u r-riskji għas-sigurtà li huma esposti għalihom. B’mod iktar preċiż, għandha l-għan li tfiehem aħjar lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-aspettattivi superviżorji għall-maniġġ tal-ICT u r-riskji għas-sigurtà, skont Paragrafu 70 tad-Direttiva tal-Bank.

Finalment, f’Jannar 2020, l-ABE ppubblikat linji gwida li jemendaw il-Linji Gwida dwar ir-Rapportar ta’ Frodi taħt PSD2, li introduċew żewġ oqsma addizzjonali ta’ rapportar fid-Data Breakdowns C, D u F f’Annex 2 tal-mudell ta’ rapportar ta’ frodi. Il-Bank emenda Annex 4 tad-Direttiva Nru 1 sabiex tirrifletti t-tali emendi li ser japplikaw għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti mibdija u esegwiti mill-1 ta’ Lulju 2020.

Lura lejn l-Arkivju