News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

01/07/2020

Id-Direttiva Nru 18 ‘On Moratoria in Exceptional Cirumstances’ – Estensjoni tad-Data tal-Għeluq għall-Applikazzjonijiet u t-Tul tal-Moratorju

Fit‑13 ta’ April 2020, il‑Ministeru għas‑Saħħa, b’konsultazzjoni mal‑Ministeru għall‑Finanzi, ħareġ l‑Avviż Legali (AL) 142 għall‑2020, li jordna lil istituzzjonijiet tal‑kreditu u finanzjarji liċenzjati mill‑MFSA sabiex jagħtu moratorji fuq is‑self lill‑klijenti tagħhom. Id‑Direttiva Nru 18 tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta kienet ippubblikata fl‑istess ġurnata sabiex tirregola l‑parametri ta’ dawn il‑moratorji.

Id‑data tat‑30 ta’ Ġunju 2020 hija d‑data stabbilita mill‑AL 142 u d‑Direttiva Nru 18 bħala l‑aħħar ġurnata fejn min jissellef u li huwa eliġibbli jkun jista’ japplika għal dawn il‑moratorji mal‑istituzzjoni finanzjarja u ta’ kreditu rispettiva tiegħu.

Fid‑dawl tal‑inċertezza madwar ir‑ritmu tal‑irkupru ekonomiku mill‑impatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19 u l‑effetti potenzjali aktar fit‑tul fuq il‑produzzjoni u l‑impjiegi li t‑tali inċertezza tista’ tiġġenera, il‑Ministeru responsabbli għas‑saħħa pubblika, b’konsultazzjoni mal‑Ministeru għall‑Finanzi u s‑Servizzi Finanzjarji, estenda l‑perjodu għall‑applikazzjonijiet għal moratorju sat‑30 ta’ Settembru 2020. Għal din ir‑raġuni, skont paragrafu ħmistax tad‑Direttiva, il‑Bank qiegħed jestendi l‑perjodu għall‑applikazzjonijiet f’konformità mal‑AL 278 għall-2020 li ġie ppubblikat ilbieraħ.

Il‑provvediment u l‑kundizzjonijiet tad‑Direttiva għandhom japplikaw bis‑sħiħ inkluża d‑data tal‑għeluq tas‑self eleġibbli għal moratorju, jiġifieri s‑self sanzjonat qabel l‑14 ta’ April 2020. Dawk li jissellfu u li ngħataw moratorju bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2020, u jistgħu juru li s‑sitwazzjoni tagħhom mhux ser titjieb matul il‑perjodu oriġinali ta’ sitt xhur kif stipulat mid‑Direttiva, jistgħu japplikaw għal estensjoni ta’ perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur sa mhux aktar tard mit‑30 ta’ Settembru 2020. Dan il‑perjodu jibda mill‑ġurnata wara t‑tmiem tal‑ewwel perjodu tal‑moratorju.

Fil‑każ ta’ applikanti ġodda eliġibbli, il‑moratorju mogħti ser ikun għal perjodu ta’ sitt xhur.

Tista' ssib l-Avviż Legali hawn.

Tista’ ssib id‑Direttiva aġġornata hawn.

Tista’ ssib il‑linji gwida aġġornati hawn.

Lura lejn l-Arkivju