News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

18/06/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 6/2020

Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f’din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal April 2020, meta l‑miżuri ta’ trażżin relatati mal‑COVID19 laħqu l‑quċċata tagħhom. Madankollu, l‑aħħar data għall‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku (ESI) tal‑Kummissjoni Ewropea u l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) tirreferi għal Mejju. Għalhekk, dawn iż‑żewġ indikaturi jistgħu parzjalment diġà jirriflettu l‑impatt ta’ llaxkar tal‑miżuri li daħal fis‑seħħ fl‑4 u fit‑22 ta’ Mejju. Sadattant, id‑data dwar it‑turiżmu għal April ma ġietx ippubblikata mill‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika minħabba li l‑ajruporti u l‑portijiet ilhom magħluqin minn Marzu.

F’Mejju, il‑BCI tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta naqas bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, u jimplika li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi baqgħu notevolment aktar dgħajfin mill‑medja storika.

B’kuntrast, l‑ESI żdied meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel minħabba titjib fil‑fiduċja fi kważi kull sottokomponent, partikolarment fis‑settur tal‑kostruzzjoni. Madankollu, kien hemm tnaqqis fis‑sentiment fost il‑bejjiegħa. Minkejja titjib fis‑sentiment meta mqabbel ma’ April, l‑ESI jibqa’ sew taħt il‑medja storika u jibqa’ juri livelli baxxi ta’ fiduċja.

F’April, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut f’termini annwali. Bl‑istess mod, il‑produzzjoni industrijali naqset.

Ir‑rata tal‑qgħad żdiedet hekk kif kompla jiżdied l‑għadd ta’ nies fuq ir‑reġistru tal‑qgħad. Madankollu, ir‑rata tal‑qgħad tibqa’ baxxa minn perspettiva storika.

L‑inflazzjoni għall‑konsumatur battiet f’April. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall‑Konsumatur niżlet għal 1.1%, filwaqt li l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut niżlet bi ftit għal 0.8%.

Il‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li d‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, minħabba żieda sinifikanti fl‑infiq tal‑gvern u tnaqqis kbir fid‑dħul minħabba l‑COVID19.

Din il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall‑COVID19. Il‑valur tas‑self lil familji u kumpaniji soġġetti għal moratorju fl‑aħħar ta’ April kien ta’ €1.3 biljun, ekwivalenti għal 11.3% tas‑self pendenti relatat.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju