News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

11/06/2020

Lekċer pubblika dwar l-Influwenza Spanjola tal-1918-1919 fil-Gżejjer Maltin

Għaliex in‑nisa miżżewġin kienu darbtejn aktar probabbli li jimirdu bl‑influwenza Spanjola fl‑1918 mill‑irġiel miżżewġin? It‑tweġiba għal din il‑mistoqsija hija waħda mill‑ħafna osservazzjonijiet affaxxinanti li ser jagħmel Mario Saliba waqt lekċer pubblika virtwali.

Fi studju akkademiku li Dr Saliba ppubblika fl‑2018 flimkien ma’ żewġ antropoloġi Kanadiżi, it‑tweġiba kienet id‑daqs ikbar tal‑familji mitt sena ilu, li poġġa lin‑nisa miżżewġin f’kuntatt kontinwu mat‑tfal tagħhom – li nstab li kienu qed iġorru l‑influwenza Spanjola għal perjodi itwal ta’ żmien u u kif ukoll xerrdu ammonti kbar tal‑virus, fost fatturi oħrajn.

L‑influwenza Spanjola kkawżat sitwazzjoni kaotika bla preċedent u qatlet aktar minn 40 miljun persuna madwar id‑dinja – aktar minn kemm inqatlu nies matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija.

Malta u Għawdex kienu affettwati wkoll, bi tliet mewġiet jolqtu l‑gżejjer fuq perjodu ta’ disa’ xhur. Ir‑riċerka ta’ Dr Saliba wriet li 5.62% tal‑popolazzjoni f’Malta u 9.41% tal‑popolazzjoni f’Għawdex mardu b’din l‑influwenza, skont in‑notifika ta’ mard infettiv. Madwar 16,000 każ ġew irrappurtati fuq perjodu ta’ sena, iżda probabbilment l‑influwenza affettwat madwar 50,000 persuna. L‑influwenza ħalliet elf vittma, b’wieħed minn kull għaxra minn Għawdex.

Il‑lekċer ta’ Dr Saliba ser issir virtwalment fuq Facebook Live fl‑24 ta’ Ġunju fil‑11am fuq il‑paġna Central Bank of Malta – Events, bil‑filmat ikun disponibbli ftit tal‑ġranet wara.

Mhix meħtieġa reġistrazzjoni għal din il‑lekċer virtwali iżda nħeġġuk issegwi l‑paġna tagħna u tirreġistra għal notifiki dwar avvenimenti fil‑futur.

Lekċer pubblika dwar l-Influwenza Spanjola tal-1918-1919 fil-Gżejjer Maltin

Lura lejn l-Arkivju