News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

10/06/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jappoġġja l-kompetizzjoni dwar il-litteriżmu finanzjarju

Din is‑sena, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta sponsorja Financial Literacy Challenge, li tifforma parti minn serje ta’ avvenimenti marbutin mal‑European Money Week (EMW).

L‑isfida kienet organizzata mill‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin (MBA), f’kollaborazzjoni mal‑Home Economics Seminar Centre fi ħdan id‑Dipartiment għall‑Kurrikulu, it‑Tagħlim tul il‑Ħajja u l‑Impjegabbiltà fi ħdan il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol ftit ġimgħat qabel id‑dħul fis‑seħħ ta’ miżuri kontra l‑imxija tal‑COVID‑19 li obbligaw l‑għeluq tal‑iskejjel.

L‑isfida ppromwoviet il‑litteriżmu finanzjarju, l‑edukazzjoni finanzjarja u l‑inklużjoni finanzjarja, u ħeġġet il‑qsim ta’ prattika tajba fost l‑iskejjel, l‑għalliema, l‑istudenti u membri oħra tal‑komunità.

Ingħataw premjijiet fi flus lill‑iskola rebbieħa, il‑Kulleġġ Santa Tereża ‑ l‑Iskola Primarja tal‑Imsida, u lill‑Kulleġġ Santa Margerita, iċ‑Ċentru ta’ Għajnuna fit‑Tagħlim f’Bormla, li kklassifika fit‑tieni post. Il‑flus ser jintużaw biex jgħinu fit‑tagħlim tal‑litteriżmu finanzjarju fil‑kulleġġi.

Apparti mill‑Bank, l‑MBA rċeviet ukoll appoġġ għall‑EMW mill‑membri tagħha u l‑FinanceMalta. Din kellha ssir f’Marzu iżda kellha tiġi posposta minħabba l‑COVID‑19. Aktar dettalji ser jinħarġu fi żmien xieraq.

It‑tema rikorrenti tal‑EMW hija “Promoting financial literacy amongst youth” u tinvolvi serje ta’ avvenimenti relatati mal‑edukazzjoni finanzjarja organizzati mill‑assoċjazzjonijiet bankarji nazzjonali madwar l‑Ewropa, taħt il‑koordinazzjoni tal‑Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF) li l‑MBA hija membru tagħha.

EMW
Ritratt: MBA
Lura lejn l-Arkivju