News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

09/06/2020

Spinta għall-krediti diretti wara l-kampanja tal-Bank Ċentrali ta' Malta

Madwar 9,000 persuna iktar li jirċievu l-benefiċċji mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali issa ser ikunu qed jirċevuhom direttament fil-kontijiet bankarji tagħhom, wara kampanja mmexxija mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u d-Dipartiment.

Il-Gvern joħroġ ċekkijiet maħruġin fuq il-Bank għal dawk il-benefiċjarji li m’għandhomx arranġamenti ta’ kreditu dirett, b’aktar minn tliet kwarti ta’ miljun ċekk maħruġin kull sena. Il-benefiċċji jvarjaw minn pensjonijiet għal benefiċċji tat-tfal.

Madankollu, aktar kmieni din is-sena, meta l-awtoritajiet tas-saħħa ħeġġew lin-nies biex jibqgħu ġewwa minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-Bank ħareġ Direttiva li tagħmilha iktar faċli li dawn iċ-ċekkijiet jiġu ddepożitati mingħajr il-bżonn li tmur ġo fergħa bankarja jew għand fornitur ta’ servizzi finanzjarji.

Id-Direttiva ppermettiet li ċ-ċekkijiet immarkati ‘payee only’ jiġu ddepożitati minn terzi persuni fdati – iżda l-filmati ta’ spjegazzjoni maħruġin mill-Bank taw spinta wkoll lill-kunċett ta’ adattament għal krediti diretti.

Madwar 9,000 minn 33,000 li rċevew ċekkijiet f’Marzu u f’April 2020 laqgħu dan is-suġġeriment. Dan ifisser li kważi 90% tal-benefiċjarji issa qed jirċievu l-pagamenti tagħhom direttament fil-kont bankarju tagħhom, żieda mit-82% qabel il-COVID-19.

“Diġà qegħdin nirċievu rapporti minn partijiet ikkonċernati li naqas l-użu tal-flus kontanti f’tranżazzjonijiet retail – b’żieda fl-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ pagament u żieda drastika fl-użu ta’ debiti u krediti diretti,” qal Jesmond Gatt, iċ-Chief Officer għall-Banking Operations fil-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Mark Musù, laqa’ x-xejra l-ġdida, hekk kif il-krediti diretti kienu mod aktar effiċjenti u sigur ta’ kif il-benefiċjarji jirċievu l-pagamenti.

Is-Sur Musù qal, “Konna sodisfatti bir-riżultati s’issa imma biħsiebna nkomplu nħeġġu lin-nies sabiex jaqilbu għal krediti diretti għaliex huwa ħafna iktar konvenjenti għalihom. Il-mira tiegħi hi li nilħqu l-95% sal-aħħar ta’ din is-sena”.

Sabiex tirreġistra għal kreditu dirett, ġentilment mitlub iżżur is-sit elettroniku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u kklikkja fuq “MyServices” jew ikkuntattja lid-Dipartiment bit-telefon fuq (+356) 2590 3000 jew b’email.

Spinta għall-krediti diretti wara l-kampanja tal-Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju