News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

22/05/2020 11:50:00

L-Ewwel Lekċer Pubblika Virtwali dwar il-Kotba għall-Korijiet magħrufin bħala l-Gradwali

Il‑preżenza ta’ ramel fuq il‑paġni ta’ ktieb ma tidhirx li hija sejba importanti – ħlief meta l‑ktieb imur lura għal mijiet ta’ snin, u r‑ramel ikun intuża biex inixxef il‑linka użata bir‑reqqa minn membri tal‑Iskrittorju Franċiż li ħadmu fuq it‑test.

Ir‑ramel niexef huwa wieħed mill‑aspetti affaxxinanti misjuba mill‑esperta tal‑konservazzjoni Theresa Zammit Lupi meta kienet qed tirriċerka kollezzjoni spettakolari ta’ għaxar manuskritti liturġiċi illuminati misjuba fil‑Knisja Konventwali ta’ San Ġwann.

Il‑Gradwali ta’ L’Isle Adam tal‑1533 kienu kkummissjonati mill‑Gran Mastru Franċiż Philippe Villiers de L’Isle Adam għall‑Ordni tal‑Kavallieri ta’ San Ġwann ftit wara l‑wasla tagħhom f’Malta.

Dr Zammit Lupi, li għażlet din il‑kollezzjoni bħala s‑suġġett tat‑teżi tad‑dottorat tagħha, kienet l‑ewwel persuna li studjat dawn il‑manuskritti renovati b’mod eċċellenti fid‑dettall mikroskopiku. Hi ppubblikat is‑sejbiet tagħha fi ktieb fl‑2011 għall‑Fondazzjoni Patrimonju Malti. Bit‑titlu ‘Cantate Domino: Early Choir Books for the Knights in Malta’, il‑ktieb ikopri l‑kuntest storiku tagħhom u kif ukoll jispjega l‑importanza ta’ kull dettall tal‑manifattura tagħhom.

Waħda mill‑ittri illuminati mill‑manuskritti ntgħażlet mill‑Malta Coin Centre tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala d‑disinn tal‑ewwel munita numiżmatika maħruġa fl‑2020.

Dr Zammit Lupi ser tagħti lekċer dwar il‑ktieb tagħha fuq Facebook Live fit‑2 ta’ Ġunju fis‑6pm, l‑ewwel lekċer pubblika virtwali li qiegħda tiġi organizzata mill‑Bank. Din il‑lekċer ser tixxandar live fuq il‑paġna Central Bank of Malta – Events iżda ser tkun disponibbli wkoll bħala podcast fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.

Dawk interessati jattendu huma mħeġġa jagħmlu like jew isegwu l‑paġna ta’ Facebook sabiex jibqgħu aġġornati dwar avvenimenti fil‑futur, u sabiex jabbonaw fis‑sit elettroniku tagħna biex jirċievu aġġornamenti bl‑email.

Theresa Zammit Lupi
Theresa Zammit Lupi

Lura lejn l-Arkivju