News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

15/05/2020

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2020

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2020. Din l‑edizzjoni tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑aħħar trimestru tal‑2019. Għalhekk, l‑informazzjoni ppreżentata għadha ma tirriflettix l‑impatt ekonomiku tal‑COVID‑19.

Ir‑Rivista tinnota li r‑ritmu tal‑attività ekonomika aċċellera fir‑raba' trimestru tal‑2019, u l‑prodott domestiku gross (PDG) reali kiber b'4.4% f'termini annwali, wara żieda ta' 3.0% fit‑trimestru preċedenti. Tkabbir aktar mgħaġġel kien sostnut minn żieda qawwija fl‑esportazzjoni netta hekk kif il‑kontribut tad‑domanda domestika bejn wieħed u ieħor naqas bin‑nofs. It‑tkabbir annwali tal‑PDG f'Malta matul l‑aħħar trimestru tas‑sena kien aktar minn erba' darbiet dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro.

It‑tkabbir potenzjali batta għal 5.0%, minn 5.3% fit‑tielet trimestru, iżda baqa' relattivament għoli minn perspettiva storika. Id‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali - imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri - naqset matul it‑trimestru kopert u baqgħet taħt il‑livelli rreġistrati fl‑2015 u fl‑2016.

Sadattant, kien hemm tnaqqis fl‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju matul l‑aħħar trimestru tal‑2019. L‑indiċi baqa' ferm viċin il‑valur medju tiegħu, għalkemm beda juri kundizzjonijiet kemxejn iktar baxxi mill‑medja.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' b'saħħtu, hekk kif komplew jiżdiedu l‑impjiegi u kien hemm tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad naqset għal 3.2% minn 3.4% fit‑trimestru preċedenti u 3.6% rreġistrata sena qabel. Għalhekk, il‑qgħad f'Malta baqa' ferm taħt ir‑rata medja għaż‑żona tal‑euro, li kienet fil‑livell ta' 7.4%, u kien ukoll taħt il‑kejl strutturali tal‑Bank ta' 4.0%.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) immoderat għal 1.3% f'Diċembru minn 1.6% tliet xhur qabel, primarjament minħabba tkabbir inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑ikel u tnaqqis żgħir fil‑prezzijiet tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. L‑inflazzjoni prinċipali, li teskludi l‑biċċa l‑kbira tal‑komponenti volatili tal‑HICP, niżlet bi ftit għal 1.3% f'Diċembru. L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li jqis biss l‑infiq tar‑residenti f'Malta, battiet għal 1.2% f'Diċembru.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali baqa' pjuttost konformi mal‑bilanċ pożittiv irreġistrat fl-istess perjodu ta' sena qabel. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑proporzjon tal‑bilanċ pożittiv fil‑PDG baqa' stabbli fil‑livell ta' 0.5%. Matul ir‑raba' trimestru tal‑2019, il‑proporzjon tad-dejn tal‑gvern ġenerali fil‑PDG naqas għal 43.1% minn 43.4% fl‑aħħar ta' Settembru. Is-sehem tal‑valur finanzjarju nett fil‑PDG ukoll wera titjib, hekk kif tnaqqis qawwi fl‑obbligazzjonijiet finanzjarji għeleb tnaqqis fl‑assi finanzjarji tal‑gvern.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul ir‑raba' trimestru tal‑2019, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Madankollu, f'Marzu 2020, il‑BĊE ħabbar pakkett komprensiv ta' miżuri tal‑politika monetarja b'reazzjoni għall‑iskoss ekonomiku kbir ikkawżat mill‑imxija tal‑COVID‑19.

Ir‑Rivista tippreżenta aġġornament tal‑istimi tal‑Bank dwar il‑persistenza tal‑inflazzjoni. Ir‑Rivista wkoll tiġbor fil‑qosor ir‑riżultati ewlenin minn studju dwar l‑effetti tal‑ġid fuq il‑konsum f'Malta, bbażat fuq data fil‑livell tal‑households mill‑Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑2017. Barra minn hekk, din l‑edizzjoni tirrapporta dwar ir‑riżultati għal Malta tal‑Istħarriġ tal‑Grupp tal‑Bank Ewropew tal‑Investiment dwar l‑Investiment u l‑Finanzjament tal‑Investiment tal‑2019.

It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2020 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

QR 2020:2 - Infographic

Lura lejn l-Arkivju