News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

09/03/2020

Policy note dwar l-impatt tal-bidliet fl-età tal-pensjoni

In-numru ta’ rġiel minn 50 sena ’l fuq li jaħdmu full-time żdied minn madwar 26,000 fl-2008 għal kważi 33,000 fl-2018, filwaqt li l-għadd ta’ ħaddiema nisa f’dik il-kategorija ta’ età żdied b’iktar mid-doppju, minn 7,000 għal aktar minn 14,000, skont policy note ppubblikata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

L‑istudju sab li l‑bidliet li saru fl‑età tal‑pensjoni, li bdew fl‑2012, fissru li 3,500 persuna minn 50 sena ’l fuq baqgħu jaħdmu – u l‑maġġoranza tagħhom kienu rġiel u nisa ta’ età bejn 61 u 62.

L-awtoritajiet qed jippruvaw jirribattu l‑impatt tal‑anzjanità fuq il‑provvista tal‑ħaddiema billi jtawlu l‑ħajja tax‑xogħol – primarjament billi jgħollu l‑etajiet tal‑pensjoni. Fl‑2006, il‑Gvern ħabbar li gradwalment l‑etajiet tal‑pensjoni kienu ser jiżdiedu minn 61 sena għall‑irġiel u 60 sena għan‑nisa għal 65 sena għaż‑żewġ sessi sal‑2026.

Il‑policy note tevalwa l‑impatt tal‑bidliet u tgħid li sal‑2018 ir‑rispons hu stmat li ta spinta lill‑PDG sa 1.3 punti perċentwali, kważi 45% ogħla mill‑istimi preċedenti li kienu saru fl‑2017. Bħala medja, iż‑żieda fl‑età tal‑pensjoni hija maħsuba li kkontribwiet 0.22 punti perċentwali għat‑tkabbir annwali fil‑valur miżjud gross bejn l‑2013 u l‑2018.

L‑istudju li sar minn Dr Aaron Grech, iċ‑Chief Economist tal‑Bank, sab li r‑rata ta’ attività tan‑nisa Maltin taħt l‑40 sena fl‑2005 kienet ta’ 50%, ferm inqas mir‑rata ta’ 63% osservata fl‑Unjoni Ewropea. Dan id‑distakk għeb sal‑2013. Sal‑2018, 73% tan‑nisa Maltin taħt l‑40 sena kienu ħaddiema, imqabblin mal‑65% biss tan‑nisa f’din il‑kategorija ta’ età fl‑Unjoni Ewropea. L‑istudju nnota li Malta, li kienet il‑pajjiż bl‑iktar rata baxxa ta’ parteċipazzjoni tan‑nisa, issa għandha l‑ħames l‑ogħla rata fl‑Unjoni Ewropea.

In‑numru ta’ persuni ta’ 60, 61 u 62 sena li kienu attivi fl‑2018 irrappreżenta 2.6% tal‑ħaddiema, imqabbel mal‑1.6% biss fl‑2011. Fil‑fatt, din il‑kategorija ta’ età kopriet 5% taż‑żieda totali fil‑provvista tal‑ħaddiema matul dawn is‑snin.

L‑istudju analizza wkoll l‑impatt tal‑bidliet fl‑età tal‑pensjoni fuq il‑profil tal‑ħaddiema u wissa li minkejja l‑iżviluppi riċenti fil‑parteċipazzjoni tan‑nisa u l‑migrazzjoni, diversi setturi tal‑ekonomija Maltija ser jintlaqtu mill‑anzjanità. Id‑data tissuġġerixxi li huwa probabbli li setturi bħall‑amministrazzjoni pubblika, l‑agrikoltura, il‑kostruzzjoni u l‑manifattura ser jiffaċċjaw tnaqqis sinifikanti fil‑ħaddiema ladarba jirtiraw il‑ħaddiema tagħhom li huma ikbar fl‑età. Bl‑istess mod, il‑provvista ta’ ħaddiema manwali tista’ tiddeterjora fin‑nuqqas ta’ żieda fil‑migrazzjoni jew fin‑nuqqas ta’ politika li tirribatti l‑effetti tal‑anzjanità.

Irġiel impjegati u qiegħda rreġistrati (etajiet ‑ 61 u 62)

Pension age changes

Nisa impjegati u qiegħda rreġistrati (etajiet ‑ 60, 61 u 62)

Pension age changes

Lura lejn l-Arkivju