News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

28/02/2020

Il-Bank Ċentrali Ta’ Malta jħarreġ professjonisti fil-maniġġ tal-flus

Kulħadd juża l‑flus, kemm jekk kaxxier ġo bank, bejjiegħ jew tifel jew tifla li jirċievu l‑pocket money. Iċ‑ċirkolazzjoni tal‑flus hija kwistjoni ta’ provvista adegwata daqskemm hi waħda ta’ fiduċja, u ż‑żamma tal‑integrità tal‑euro hija waħda mill‑kompiti tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala bank ċentrali nazzjonali li jopera fi ħdan l‑Eurosistema.

“Il‑Bank jieħu din il‑materja bis‑serjetà u jinvesti ħin u riżorsi biex ixerred informazzjoni awtorevoli u prattika dwar materji relatati mal‑flus. Permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ taħriġ u outreach, li ħafna minnhom huma mfasslin apposta għal udjenzi differenti, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jagħti s‑setgħa lin-nies permezz tal-għarfien u l‑ħiliet biex ikunu jistgħu jidentifikaw il‑flus foloz u b’hekk tintensifika l‑ġlieda kontra l‑iffalsifikar, għax jekk ma jiġux iċċekkjati, idgħajfu l‑integrità tal‑euro b’effetti negattivi għal kulħadd,” qal Jesmond Gatt, Chief Officer għall‑Banking Operations fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Fl‑2019, aktar minn 1,500 professjonist fil‑maniġġ tal‑flus f’istituzzjonijiet finanzjarji kienu rreġistrati fi programmi ta’ taħriġ online mogħtija mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta, li l‑għan tagħhom kien li jtejbu l‑familjarità tagħhom mal‑karatteristiċi tas‑sigurtà tal‑euro. Modulu ieħor, introdott xi snin ilu, jiżgura l‑għarfien tagħhom tar‑regolamenti kontra l‑ħasil tal‑flus.

Dawk li jiksbu marka tal‑inqas ta’ 80% jingħataw ċertifikat validu għal sentejn.

Il‑Currency Operations Office tal‑Bank ipprovda wkoll taħriġ fuq il‑post għal aktar minn 200 persuna li jimmaniġġjaw il‑flus f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji differenti u għal madwar 300 persuna li jimmaniġġjaw il‑flus fil‑ħwienet.

Sabiex jikkumplimenta t‑taħriġ, il‑Bank iwettaq kontrolli regolatorji fuq il‑magni użati minn banek kummerċjali sabiex jivvalidaw l‑awtentiċità tal‑karti tal‑flus, u jassisti lill‑bejjiegħa li jridu t‑tagħmir tagħhom stess jiġi evalwat għas‑serħan tal‑moħħ.

Il‑Currency Operations Office tal‑Bank jikkollabora wkoll mal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni sabiex joffri programm ta’ għarfien dwar l‑euro bit‑titlu ‘Money Matters’. Għalkemm prinċipalment maħsub għat‑tfal, il‑programm se jilħaq ukoll numru ta’ ġenituri b’mod indirett. Ser isiru sessjonijiet hands‑on f’diversi skejjel li matulhom il‑karti tal‑flus ġenwini u foloz ser jingħataw f’idejn l‑istudenti biex jiskopru d‑differenzi fis‑sens tal‑mess u dawk viżwali bejn it‑tnejn. Minbarra dan, hija pprovduta informazzjoni dwar it‑tfassil tal‑karti tal‑flus, iċ‑ċiklu tal‑flus u l‑Bank Ċentrali Ewropew. Madwar 600 student u studenta mill‑iskejjel sekondarji kienu involuti b’dan il‑mod matul l‑2019.

Fl‑aħħar inizjattiva tiegħu, il‑Bank nieda fuljett b’informazzjoni li tenfasizza l‑karatteristiċi ewlenin tas‑sigurtà tal‑euro. Il‑fuljett huwa miktub bil‑Malti u l‑Ingliż sabiex jilħaq udjenza usa’ fost il‑popolazzjoni studenteska multikulturali tal‑lum. Il‑cut‑outs tal‑muniti u l‑karti tal‑flus tal‑euro li jinsabu fil-fuljett jgħinu lit‑tfal jiffamiljarizzaw ruħhom mal‑euro u jipprattikaw il‑ħiliet matematiċi.

L‑informazzjoni nxterdet ukoll permezz ta’ xandiriet tat‑televiżjoni u r‑radju, u numru kbir ta’ materjal stampat.

Għal aktar tagħrif dwar taħriġ u edukazzjoni, il‑pubbliku ġentilment mitlub jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6010.

Central Bank of Malta Trains Professional Cash Handlers

Lura lejn l-Arkivju