News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

24/02/2020

Il-BĊE jniedi Verifika tal-Istrateġija

Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda portal fuq is‑sit elettroniku tiegħu ddedikat għall‑Verifika tal‑Istrateġija mħabbra mill‑President Christine Lagarde mal‑ħatra tagħha f’Novembru li għadda.

Il‑verifika – l‑ewwel waħda fi kważi għoxrin sena – ser tiffoka fuq ir‑rispons minn partijiet ikkonċernati u t‑trasparenza. Il‑BĊE se jaġġorna lill‑pubbliku bil‑progress f’intervalli regolari.

Sabiex jiġi żgurat li jinġabru l‑fehmiet miż‑żona tal‑euro kollha, il‑banek ċentrali nazzjonali – inkluż il‑Bank Ċentrali ta’ Malta – ser jorganizzaw avvenimenti f’pajjiżhom stess f’April u f’Mejju, immirati għalll‑partijiet kollha ikkonċernati.

Dawn ser jibdew b’avveniment tal‑BĊE fis‑26 ta’ Marzu fi Brussell immexxi minn Ms Lagarde u ċ‑Chief Economist Philip Lane. L‑avveniment ser jiġi trażmess direttament online, u ser jiġi ppubblikat sommarju tal‑kontributi kollha li l‑BĊE jirċievi matul dan l‑avveniment.

Fix‑xhur li ġejjin, il‑portal tal‑BĊE se jippermetti liċ‑ċittadini jagħtu l‑kontribut tagħhom permezz ta’ formola online. Il‑portal ser jipprovdi links għal qari rakkomandat dwar uħud mit‑temi li ser jiġu indirizzati bħall‑inflazzjoni u l‑globalizzazzjoni, il‑politika monetarja u l‑bidla fil‑klima. Taqsima b’mistoqsijiet u tweġibiet ser tindirizza xi wħud mill‑materji ewlenin.

“L‑istabbiltà tal‑prezzijiet hi importanti għall‑ħajja tiegħek ta’ kuljum, kemm jekk qed tfaddal, tissellef, tonfoq jew tinvesti”, jispjega l‑portal.

 “Għalhekk irridu nisimgħu l‑ideat u t‑tħassib tiegħek qabel ma nieħdu deċiżjonijiet dwar l‑istrateġija futura tagħna.”

 Il‑banek ċentrali nazzjonali ser jiġbru wkoll rispons permezz ta’ ‘avvenimenti ta’ smigħ’ f’kull pajjiż, li d‑dettalji tagħhom ser jingħataw fil‑ġejjieni. Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta stabbilixxa wkoll e‑mail [email protected] iddedikat għal dawk interessati fil‑proċess. Sommarju kwalitattiv tar‑rispons ser jiġi mgħoddi lill‑BĊE fiż‑żmien xieraq.

ECB Strategy Review

 

Lura lejn l-Arkivju