News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

20/02/2020

Sitt temi għall-muniti inklużi fil-programm ta’ muniti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall-2020

Għal din is‑sena, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed joffri sitt temi għall-muniti permezz tal‑programm tiegħu ta’ muniti numiżmatiċi. Dan il‑programm joffri firxa ta’ prodotti għall‑kollezzjonisti kollha. Żewġ karatteristiċi ġodda għal din is‑sena jinkludu edizzjoni limitata ta’ munita tad‑deheb b’valur għoli li tiżen uqija, u ħruġ ta’ munita tal‑fidda u tad‑deheb stampata bil‑kulur.

Il‑programm ta’ muniti għall‑2020 jinkludi l‑prodotti li ġejjin:

  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Star Programme bit‑tema ‘Gotiku’. Dawn il‑muniti ser juru ittra illuminata misjuba fsett ta’ kotba b’manuskritti għall‑korijiet, magħrufin bħala l‑L’Isle Adam Graduals, illum miżmumin fl‑mużew tal‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann. Il‑muniti, li ser ikunu stampati bil‑kulur, huma mistennija li joħorġu f’Marzu 2020.
  • Munita tal‑fidda li tfakkar il‑75 sena minn tmiem it‑Tieni Gwerra Dinjija. Dan l‑avveniment storiku importanti ser jiġi mfakkar ukoll b’edizzjoni limitata speċjali ta’ munita tad‑deheb li tiżen uqija. Din il‑munita, li l‑istampar tagħha hu limitat għal mitt munita, kienet esklussivament disponibbli għall‑platinum package holders. Iż‑żewġ muniti huma mistennija li joħorġu f’April 2020.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda, li tfakkar il‑250 sena mit‑twelid ta’ Ludwig van Beethoven, kompożitur Ġermaniż li l‑mużika tiegħu ħalliet marka permanenti fuq il‑wirt kulturali Ewropew u dak dinji. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f’Novembru 2020.
  • Sett ta’ muniti tal‑euro datat 2020 li jikkonsisti fit‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni flimkien ma' munita kommemorattiva taż‑€2, li turi t‑tempju ta’ Skorba fiż‑Żebbiegħ, fil‑limiti tal‑Imġarr. Dan is‑sett hu mistenni li joħroġ f’Mejju 2020.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempju ta’ Skorba. Din il‑munita ser tkun il‑ħames minn serje ta’ seba’ muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta’ wirt dinji mill‑UNESCO. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Il‑muniti huma mistennija li joħorġu f’Ġunju 2020.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 bit‑tema ‘Logħob’. Id‑disinjatriċi ta’ din il‑munita, Ymen Riahi, kienet ir‑rebbieħa ta’ kompetizzjoni li saret għal studenti tal‑iskejjel sekondarji. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Il‑muniti huma mistennija li joħorġu f’Ottubru 2020.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat e-mail jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Verżjoni diġitali tal‑programm ta’ muniti tinsab ukoll hawn.

Lura lejn l-Arkivju