News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

18/02/2020

Eluf ta’ studenti jirċievu fuljett edukattiv tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-euro

Eluf ta’ studenti ser jirċievu fuljett edukattiv dwar l‑euro li sar mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta f’kollaborazzjoni mad‑Dipartiment tal‑Kurrikulu, Tagħlim tul il‑Ħajja u Impjegabbiltà.

L‑euro huwa l‑munita ta’ Malta, iżda huwa wkoll il‑munita ta’ 18‑il pajjiż ieħor Ewropew li huma membri tal‑Unjoni Ewropea. Bi 73 nazzjonalità differenti (mingħajr ma jingħaddu l‑Maltin) bħalissa jattendu klassijiet tal‑Year 7 u Year 8 fl‑iskejjel tal‑Istat, li 59 minnhom ġejjin minn barra ż‑żona tal‑euro, ilu jinħass il‑bżonn ta’ għodda edukattiva li tgħin lill‑istudenti żgħar jiffamiljarizzaw mal‑euro – kemm meta jimmaniġġjaw il‑flus fil‑bwiet tagħhom, u anke meta jaraw lill‑adulti jużaw l‑euro.

Miktub bil‑Malti u bl‑Ingliż biex jilħaq kemm jista’ jkun udjenza wiesgħa, dan il‑fuljett stampat bil‑kulur iwassal il‑messaġġ tiegħu bl‑użu ta’ lingwaġġ sempliċi megħjun minn viżwali ċari. Dan il‑fuljett jgħin lill‑istudenti jidentifikaw il‑karti tal‑flus tal‑euro ġenwini u kif ukoll karatteristiċi fuq il‑muniti billi jiffoka fuq it‑tliet karatteristiċi ewlenin tas‑sigurtà identifikati permezz tal‑metodu feel, look and tilt.

Karatteristika innovattiva ta’ dan il‑fuljett hija pocket inkorporat li fih cut‑outs ta’ muniti u karti tal‑flus stampati li huma ideali biex jgħinu lill‑istudenti jifhmu l‑prinċipji fundamentali tal‑euro permezz tal‑logħob. Barra minn hekk, dawn il‑flus għal‑logħob jistgħu jintużaw minn għalliema bħala għodda għat‑tagħlim fil‑klassijiet tal‑Matematika.

Fil‑bidu tad‑diskors tiegħu, Jesmond Gatt, Chief Officer għall‑Banking Operations fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta, qal li: “Il‑Bank Ċentrali ta Malta huwa konxju ħafna tal‑irwol importanti tal‑flus kontanti fis‑soċjetà. In‑nies irid ikollhom fiduċja fihom, fiduċja li tiġi biss mill‑fehim tal‑karatteristiċi tas‑sigurtà ddisinjati bir‑reqqa, u l‑proċeduri kumplessi fil‑Bank sabiex jagħmilhom disponibbli għal kulħadd b’mod effiċjenti u inklussiv. Aħna kuntenti ħafna li qed ngħinu l‑isforzi tal‑Dipartiment għall‑Edukazzjoni biex jippromwovi dan għall‑ġenerazzjoni żagħżugħa.”

Id‑Direttur Ġenerali fid‑Dipartiment tal‑Kurrikulu u t‑Tagħlim tul il‑Ħajja, Stephen Cachia, irringrazzja lill‑Bank Ċentrali ta’ Malta għall‑inizjattiva u żied jgħid li, “ir‑riżorsa żżid ir‑relevanza tal‑edukazzjoni peress li tippromwovi metodu olistiku għat‑tagħlim. Dan il‑fuljett jiffaċilita b’mod partikolari l‑familjarizzazzjoni tal‑istudenti migranti mal‑euro.”

It‑tnedija ta’ dan il‑fuljett saret fit‑18 ta’ Frar fil‑Migrant Learners’ Unit’s Maria Regina College Induction Hub fin‑Naxxar u eventwalment ser jitqassam b’mod gradwali fl‑iskejjel kollha f’Malta.

Kopji jistgħu jiġu mitluba wkoll onlajn permezz tas‑sit elettroniku tal‑Bank u www.maltacoincentre.com.

Euro leaflet

Euro leaflet

Euro leaflet

Lura lejn l-Arkivju