News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

13/02/2020

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Fit‑tieni nofs tal‑2019, ġew irrappurtati lill‑Bank Ċentrali ta’ Malta 545 karta tal‑flus tal‑euro falza.

B’hekk, għas‑sena 2019, l‑ammont totali ta’ karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni laħaq l‑1,389 karta tal‑flus falza.

Meta jitqabbel mal‑għadd ta’ karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f’Malta (medja ta’ ftit aktar minn 12.80 miljun fit‑tieni nofs tal‑2019), il‑proporzjon ta’ karti tal‑euro foloz għadu insinifikanti.

Hu baxx ukoll (0.18%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 308,000 karta tal‑flus.

Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f’Malta matul it‑tieni nofs tas‑sena, id‑denominazzjonijiet tan‑nofs jibqgħu l‑iktar denominazzjonijiet iffalsifikati. Flimkien, il‑karti tal‑€20 u tal‑€50 ammontaw għal kważi tlieta minn kull erba’ (74.5%) tal‑karti foloz kollha maqbuda fiċ‑ċirkolazzjoni. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karti tal‑€50 naqas filwaqt li żdied tal‑€20.

It‑tabella li ġejja tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta’ flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fit‑tieni nofs tal‑2019, imqabbla ma’ dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal-euro

2.4

13.5

34.2

36.5

9.6

1.4

2.4

Malta

3.9

15.2

42.2

32.3

4.2

0.6

1.6

Minkejja l‑livell baxx ta’ flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti hekk kif fix‑xhur li għaddew kien hemm żieda fin‑numru ta’ karti tal‑flus foloz ta’ kwalità baxxa rtirati miċ‑ċirkolazzjoni. Kollha huma faċli ħafna li jiġu identifikati għaliex għandhom imitazzjonijiet tal‑karatteristiċi tas‑sigurtà ferm inadegwati.

 Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test “FEEL‑LOOK‑TILT” kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta’ għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista’ teħtieġ din l‑assistenza.

Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑pulizija fuq 2294 2120, lill‑Bank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/13 jew jibgħat email lill‑Bank.

Bi-Annual Counterfeiting

Lura lejn l-Arkivju