News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

06/02/2020

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur - L-Ewwel Ħarġa tal-2020

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għas‑sena 2020, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2019.

Ir‑Rivista tinnota li r‑ritmu tat‑tkabbir fl‑attività ekonomika batta bi ftit matul it‑tielet trimestru tal‑2019, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jikber bi 3.4% fuq l-istess perjodu sena qabel, wara żieda ta’ 4.9% fit‑trimestru preċedenti. Dan kien riżultat ta’ tkabbir iktar dgħajjef fid‑domanda domestika u kontribut negattiv akbar minn ċaqliq fl‑inventarji. B’kuntrast, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta ssaħħaħ.

Minkejja l‑moderazzjoni riċenti, it‑tkabbir fil‑PDG f’Malta għall‑ewwel disa’ xhur tal‑2019 baqa’ ogħla mill‑medja tiegħu storika ta’ madwar 4.0% u kien aktar mit‑triplu tat‑tkabbir irreġistrat fiż‑żona tal‑euro.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli fit‑tielet trimestru tal‑2019, hekk kif l‑impjiegi komplew jiżdiedu filwaqt li r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta’ 3.4%, inqas mir‑rata ta’ 3.6% rreġistrata sena qabel u l‑istess rata tat‑tieni trimestru tal‑2019. Għalhekk, il‑qgħad f’Malta baqa’ inqas minn nofs ir‑rata medja ta’ 7.3% għaż‑żona tal‑euro u taħt il‑kejl strutturali tal‑Bank ta’ 4.0%.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet għal 1.6% f’Settembru minn 1.8% f’Ġunju, primarjament minħabba tkabbir inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑ikel. L‑inflazzjoni prinċipali, li teskludi l‑biċċa l‑kbira tal‑komponenti volatili tal‑HICP, kienet fil‑livell ta’ 1.4% f’Settembru. Sadattant, l‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li tqis biss l‑infiq tar‑residenti f’Malta, battiet għal 1.4%.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas meta mqabbel mal‑istess perjodu sena qabel. Dan jirrifletti żieda sostanzjali fl‑infiq primarju, kif ukoll tnaqqis żgħir fid‑dħul. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba’ trimestri, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas għal 0.8% tal‑PDG, minn 1.2% fit‑tieni trimestru tal‑2019. Matul it‑tielet trimestru tal‑2019, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem fil‑PDG naqas għal 43.1%. Madankollu, il‑valur finanzjarju nett tal‑Gvern bħala sehem fil‑PDG naqas, hekk kif it‑tnaqqis fl‑assi finanzjarji kien iktar b’saħħtu mit‑tnaqqis fl‑istokk ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tielet trimestru tal‑2019, il‑Kunsill kien aktar akkomodattiv fil‑politika monetarja, primarjament billi kompla naqqas ir‑rata fuq il‑faċilità ta’ depożitu u billi ħabbar il‑bidu mill‑ġdid tal‑programm ta’ xiri ta’ assi.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll analiżi tal‑imġiba fit‑tfaddil ta’ diversi tipi ta’ households f’Malta u tagħti sommarju ta’ studju dwar ir‑rabta bejn indikaturi li joħorġu minn servejs tal‑Kummissjoni Ewropea fost in‑negozji u l‑konsumaturi u x‑xejriet fid‑data makroekonomika. Barra dan, ir‑Rivista tiddeskrivi l‑kundizzjonijiet ta’ likwidità fis‑sistema bankarja Maltija u l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja mmexxija mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

L‑ewwel ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għall‑2020 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Infographic

Lura lejn l-Arkivju