News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020

09/01/2020

In-Nisa jokkupaw kważi terz tal-ogħla gradi

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għamel progress moderat – iżda sinifikanti – fir‑rigward tal‑bilanċ bejn is‑sessi fl‑ogħla livelli tal‑istruttura eżekuttiva tiegħu, iżda l‑Gvernatur Mario Vella enfasizza li hemm ħafna aktar xi jsir.

Fl‑2008 ma kien hemm l‑ebda mara fost il‑31 impjegat fl‑ogħla gradi li jinkludu senior executives, heads u chief officers.

Madankollu, l‑affarijiet bdew jinbidlu u sal‑2013 kien hemm sitta minn 38 f’dawk il‑gradi. Bħalissa, f’Jannar 2020, hemm 12 minn 46.

Waqt diskors riċenti, Dr Vella qal: “Passi żgħar ’il quddiem imma mhux insinifikanti: sinjal ċar ta’ progress jidher mill‑fatt li jekk nieħdu l‑irwol ewlieni tal‑heads, filwaqt li kien hemm head femminili waħda biss fl‑2014, issa hemm sitta.”

It‑tqassim bejn is‑sessi tal‑impjegati taħt il‑grad ta’ senior executive hu prevedibbilment aktar ekwu, b’50.7% tal‑impjegati kollha f’dawn il‑gradi huma nisa fl‑2019, imqabbel mal‑44.3% fl‑2008.

Fl‑iktar gradi għoljin, l‑ebda mara qatt okkupat il‑kariga ta’ Deputat Gvernatur jew Gvernatur, għalkemm tnejn mill‑erba’ membri fuq il‑Bord tad‑Diretturi huma nisa.

Il‑fatt li l‑President tal‑Bank Ċentrali Ewropew – Christine Lagarde – hija mara kien deskritt minn Dr Vella bħala “sinifikanti immensament”.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għandu numru ta’ miżuri favur il‑familja kif spjegat hawn taħt:

Reduced hours

Il‑kunċett tar‑reduced hours ġie introdott għall‑ewwel darba f’Novembru 1999. Minn dak iż‑żmien ’l hawn, il‑kriterji tal‑eliġibbiltà twessgħu u r‑reduced hours issa huma disponibbli għall‑impjegati li jkollhom it‑tfal sal‑età ta’ 16-il sena, bl‑għażliet li jaħdmu 25, 30 jew 35 siegħa fil‑ġimgħa. Illum, il‑Bank għandu 34 persuna li jibbenefikaw mir‑reduced hours, inkluż impjegat maskili.

Miżuri favur it‑tfal

Il‑Bank joffri għadd ta’ miżuri għal dawk li għandhom it‑tfal, inklużi sussidji sostanzjali għal childcare għat‑tfal taħt l‑erba’ snin, kif ukoll għat‑tfal bi bżonnijiet speċjali. Hemm ukoll sussidji biex ikopru l‑ispejjeż tal‑iskola fis-sajf għal tfal sal‑età ta’ 12‑il sena. Is‑sigħat tax‑xogħol huma mqassra fis‑sajf, u l‑impjegati huma eleġibbli sa sentejn leave bla ħlas għat‑trobbija tat‑tfal.

Flexitime

Flexitime kien inizjalment introdott f’Jannar 2016 għal perjodu ta’ prova ta’ sitt xhur. Huwa applikabbli għall‑impjegati full‑time fil‑gradi eżekuttivi, klerikali u mhux klerikali (tal‑manutenzjoni u l‑messaġġiera biss). Impjegati full‑time fil‑kategoriji klerikali u mhux klerikali li ma jaħdmux bix-xift, jistgħu wkoll iġemmgħu s-sigħat.

Teleworking

It‑teleworking huwa intenzjonat primarjament għall‑impjegati bi tfal sal‑età ta’ 16‑il sena u li xogħolhom hu kompatibbli mat‑teleworking. Dan ġie introdott f’Lulju 2015 u sal‑lum 34 persuna bbenefikaw mit‑teleworking. Bħalissa hemm 17‑il persuna, inkluż impjegat maskili, li jwettqu parti minn xogħolhom permezz tat‑teleworking.

Ugwaljanza fil‑paga

Għalkemm huwa illegali li l‑irġiel u n‑nisa jitħallsu b’mod differenti għall‑istess xogħol, mhux kull min iħaddem huwa konformi ma’ dan. Ċifri juru li l‑ebda mara fil‑Bank ma titħallas inqas mill‑irġiel fi kwalunkwe segment fil‑kategoriji kollha tal‑etajiet. Fil‑fatt, meta l‑impjegati nisa huma mogħtija leave bla ħlas għall‑kura tat‑tfal, is‑salarju tagħhom huwa aġġustat mal‑wasla tagħhom lura l‑Bank, mingħajr l‑ebda telf ta’ żidiet.

Women Occupy Almost A Third Of Top Posts

Ringiela ta' wara: Rita Schembri, Pauline Muscat, Angele Camilleri Agius, Josette Grech
Ringiela tan-nofs: Pauline Lanzon, Maryanne Attard, Sylvana Gatt, Karen Caruana
Ringiela ta' quddiem: Valerie Cutajar, Philomena Meli, Kalina Koleva, Vanessa Macdonald, Romina Cuschieri, Wendy Zammit

Lura lejn l-Arkivju