News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

03/01/2020

L-Impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jagħżlu aktar siġar u inqas ponsjetti

L‑Impjegati tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta offrew biex jitnaqqas in‑numru ta’ ponsjetti pprovduti mill‑Bank sabiex iżejnu l‑uffiċċji tagħhom matul il‑festi, u minflok għażlu li jużaw il‑flus sabiex jinxtraw siġar u jitħawlu minn Ambjent Malta.

L‑inizjattiva tikkomplementa x‑xogħol li sar diġà mill‑Bank, li ilu jħawwel siġar bħala parti mill‑programm tiegħu ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva sa mill‑2011. Il‑Bank kien oriġinarjament beda l‑kampanja tiegħu billi ħawwel 20 siġra indiġena fis‑sit ewlieni ta’ 34U fis‑Salina, b’siti differenti jibbenefikaw fis‑snin ta’ wara. L‑ammont kien żdied għal 50 fl‑2018, fl‑istess sena tal‑50 anniversarju tal‑Bank. Fl‑2019, il‑Bank iddeċieda li jerġa’ jħawwel 50 siġra oħra f’sit ieħor differenti.

Madankollu, l‑Administration Department tal‑Bank ‑ li kien responsabbli għall‑introduzzjoni ta’ firxa ta’ inizjattivi ambjentali fit‑tliet binjiet tal‑Bank ‑ ġietu l‑idea li jnaqqas in‑numru ta’ ponsjetti. Ir‑rispons mill‑impjegati kien aħjar milli mistenni u kważi nġabru €1,200, li jfisser li 96 siġra oħra jistgħu jinxtraw. Il‑Bank qabel ukoll li jkun ugwali ma’ dan l‑ammont u jisponsorja l‑istess ammont ta’ siġar apparti l‑ħamsin siġra annwali li diġà nxtraw.

Ambjent Malta ġiet mitluba ssib sit adatt għal dan in‑numru kbir ta’ siġar, u għażlet Ġnien il‑Mediterran f’Raħal Ġdid fejn tittama li eventwalment tħawwel 13,000 siġra u arbuxella. Riċentement tħawlu total ta’ 1,500 siġra u arbuxella, mogħtija b’donazzjoni minn sponsors korporattivi oħra u kif ukoll minn individwi.

“Numru kbir ta’ siġar indiġeni b’għoli baxx u li dejjem iħaddru u jikbru malajr ‑ Pistacia lentiscus (lentisc bl‑Ingliż, deru bil‑Malti) ‑ se jitħawlu sabiex jinħoloq ħajt ta’ lqugħ aħdar tul il‑perimetru tas‑sit hekk kif l‑ispeċi tikber f’siġra kbira u b’ħafna friegħi,” qal John Neville Ebejer, uffiċjal għoli għall‑ambjent fi ħdan Ambjent Malta.

Speċijiet oħrajn imħawlin kienu Cupressus sempervirens (Mediterranean Cypress, Ċipress), siġra kbira li wkoll hija siġra tajba għall‑ilqugħ li toħloq post ta’ kenn għall‑għasafar ta’ natura ikbar, Pinus halepensis (Jerusalem Pine, Prinjol), siġra kbira b’saħħitha b’kanopew aħdar wiesa’, ideali għall‑ħolqien ta’ żona ħadra fil‑postijiet semiaridi bħal ta’ Malta, Ceratonia siliqua (Carob, ħarrub), Cercis siliquastrum (Judas tree, Siġra ta’ Ġuda), u Olea europea (Olive tree, Taż‑Żebbuġ).

“L‑aħjar mod biex tiġi miġġielda l‑bidla fil‑klima ‑ iżda wkoll biex ikollna standard ta’ għajxien aħjar ‑ huwa li jitħawlu s‑siġar. Ejjew ilkoll nieqfu nitkellmu u nibdew inħawlu”, qal is‑Sur Ebejer. Il‑Gvernatur Dr Mario Vella spjega li din l‑inizjattiva għandha titqies fil‑kuntest aktar wiesa’ tas‑sapport tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta għall‑idea li l‑banek ċentrali għandhom jieħdu rwol aktar attiv sabiex tiġi miġġielda l‑bidla fil‑klima. “Nappoġġja bis‑sħiħ it‑talba ta’ Christine Lagarde li l‑bidla fil‑klima tingħata l‑prijorità ta’ “missjoni kritika” għall‑Bank Ċentrali Ewropew", qal Dr Vella.

Central Bank of Malta staff opt for more trees, fewer poinsettias

Marcon Avellino u Alan Markham waqt l-avveniment ta’ tħawwil ta’ siġar f’Raħal Ġdid

Lura lejn l-Arkivju