News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019
23/12/2019
Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2019
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed jippubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2019 fejn jagħti ħarsa lejn l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja fl‑ewwel nofs tal‑2019. Ir‑Rapport jeżamina r‑riskji ewlenin li potenzjalment jistgħu jaffettwaw l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja domestika li qed tkun soġġetta għal pressjonijiet minn ambjent ekonomiku u finanzjarju globali fraġli, b’mod partikolari miż‑żona tal‑euro, mir‑rati tal‑imgħax baxxi għal żmien fit‑tul u mill‑inċertezzi ġeopolitiċi. Minkejja dan, għall‑ewwel sitt xhur tas‑sena, l‑andament tas‑sistema finanzjarja Maltija baqa’ b’saħħtu hekk kif baqa’ sostnut minn tkabbir ekonomiku lokali u kundizzjonijiet favorevoli fis‑suq tax‑xogħol. B’ħarsa ’l quddiem, żviluppi ġodda fit‑teknoloġija (disruptive technologies) jistgħu jippreżentaw kemm sfidi u kif ukoll opportunitajiet lis‑settur bankarju. Inċertezzi domestiċi u xenarju internazzjonali fraġli jistgħu wkoll iħallu impatt fuq l‑andament tas‑settur finanzjarju.
Il‑core domestic banks komplew jikkonsolidaw l‑operat tagħhom sabiex jiffukaw fuq attivitajiet b’kontenut sostanzjali ta’ attività ekonomika domestika. Il‑likwidità ta’ dawn il‑banek baqgħet għolja filwaqt li tkompla jissaħħaħ il‑livell tal‑kapital tagħhom. Minkejja x‑xenarju ta’ rati tal‑imgħax baxxi, il‑core domestic banks irnexxielhom jifilħu għall‑pressjoni dejjem tikber fuq id‑dħul ewlieni tagħhom billi żiedu l‑volum tas‑self. Kien hemm ukoll titjib fil‑kwalità ta’ dan is‑self hekk kif il‑proporzjon ta’ dejn li fuqu il‑ħlas qiegħed b’lura (non‑performing loans, NPLs), f’Ġunju 2019 niżel għal‑livell ta’ 3.3%. Dan kien xprunat mit‑tnaqqis fl‑NPLs tal‑kumpaniji Maltin. It‑titjib fil‑kwalità tal‑assi rrifletta primarjament żviluppi pożittivi fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u l‑proprjetà, bl‑NPLs f’dan is‑settur, li tradizzjonalment ikkaratterizzat minn livelli għoljin ta’ self li ilu għal xi żmien ikklassifikat bħala NPLs, jonqos bi kważi 14%. Barra minn hekk il‑banek qegħdin ikomplu jsegwu b’mod attiv politika ta’ mitigazzjoni tar‑riskju ta’ kreditu.
Il‑kundizzjonijiet finanzjarji tal-banek Maltin ikklassifikati bħala non‑core u internazzjonali baqgħu pożittivi, riżultat ta’ profitti tajbin, livell ta’ kapital sostnut u likwidità għolja. Fl‑istess ħin, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarja minn kumpaniji tal‑assigurazzjoni u fondi ta’ investiment lokali baqgħu mrażżna minkejja l‑isfidi ta’ rati tal‑imgħax baxxi li qed jaffettwaw il‑profittabbiltà tagħhom. Madankollu dawn l‑istituzzjonijiet komplew juru xejriet pożittivi, sostnuti minn operat konservattiv u strateġiji ta’ investiment prudenti.
Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2018, ir‑riskji għas‑sistema finanzjarja domestika baqgħu ma nbidlux, u fil‑biċċa l‑kbira jirriflettu ambjent internazzjonali ekonomiku u finanzjarju fraġli. Għaldaqstant, il‑banek għandhom jibqgħu prudenti fis‑self u fl‑istess waqt ikomplu jnaqqsu l‑NPLs. L‑istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikomplu jaddottaw strateġiji ta’ investiment prudenti u jrażżnu negozju riskjuż. Dawn l‑istituzzjonijiet għandhom ukoll iżommu strutturi ta’ governanza soda filwaqt li jtejbu l‑effiċjenza fl‑operat tagħhom, mingħajr ma jikkompromettu r‑riżervi kapitali u l-likwidità tagħhom.
Lura lejn l-Arkivju