News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019
17/12/2019
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Xxerred il-Ferħ tal-Milied fid-Dar tal-Providenza
Divertiment garantit f’dan il‑Milied għar‑residenti tad‑Dar tal‑Providenza, grazzi għal kunċert organizzat mill‑Fondazzjoni Bank Ċentrali ta’ Malta wara ftehim ta’ sponsorship għal sena li ġie ffirmat mal‑Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO).
Dan l‑isponsorship kien ipprovdut l‑ewwel darba mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta bejn l‑2017 u l‑2019, u issa pprovdut mill‑Fondazzjoni Bank Ċentrali ta’ Malta għall‑2020.
Il‑ftehim ġie ffirmat miċ‑Chairman tal‑Fondazzjoni Bank Ċentrali ta’ Malta, Fr Marius Zerafa, u miċ‑Chairman Eżekuttiv tal‑MPO, Sigmund Mifsud. Permezz ta’ dan il‑ftehim, l‑MPO ser ittella’ kunċert għall‑Bank Ċentrali ta’ Malta f’Diċembru 2020.
Imħeġġa bis‑suċċess tal‑kunċert tas‑sena l‑oħra fir‑Residenza San Vinċenz de Paul, il‑Fondazzjoni qiegħda tisponsorja wkoll kunċert tal‑MPO ġewwa Hospice Malta s‑sena d‑dieħla.
Sħubiji korporattivi jgħinu fl‑appoġġ ta’ oqsma ewlenin tax‑xogħol tal‑Orkestra, u permezz ta’ dan il‑ftehim ta’ sħubija, il‑Bank ser jappoġġja x‑xiri ta’ strumenti orkestrali, il‑programm ta’ internship tal‑Orkestra – li permezz tiegħu mużiċisti żgħażagħ jingħataw l‑opportunità li jippreparaw għal karriera fil‑mużika – kif ukoll l‑Orkestra taż‑Żgħażagħ ta’ Malta.


Is-Sur Narcy Calamatta u Fr Marius Zerafa, Chairman, Fondazzjoni Bank Ċentrali ta' Malta u Sigmund Mifsud, Chairman Eżekuttiv, Orkestra Filarmonika ta' Malta u s-Sur Michael Aquilina.
Lura lejn l-Arkivju