News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

20/11/2019

Progress bla sogru żejjed f’dinja aktar riskjuża – Il-Gvernatur, Mario Vella

"Progress bla sogru żejjed f'dinja aktar riskjuża" kien is-suġġett u l-messaġġ ewlieni tad‑diskors tradizzjonali dwar il-politika tal-Bank li għamel Dr Mario Vella, Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, waqt iċ-ċena annwali reċenti tal-Institute of Financial Services.

Għalkemm l-ambjent internazzjonali hu dejjem aktar ikkaratterizzat minn taqlib politiku akbar, minn inċertezza fir-rigward tal-politika kummerċjali, mill-konsegwenzi mhux magħrufa tal-Brexit u minn tħassib relatat mal-bidla fil-klima, Malta se tibqa' tgawdi minn tkabbir ekonomiku pożittiv fl-2020.

Għalkemm Malta hi ekonomija żgħira relattivament esposta b'mod sinifikanti għaċ‑ċiklu tan-negozju internazzjonali, Dr Vella osserva li xorta waħda baqgħet kapaċi tirkupra mill-iskossi. Fl-2018, il-PDG kiber b'6.8%, it-tieni l-għola rata fl-Unjoni Ewropea. Dan irrifletta prinċipalment l-espansjoni b'saħħitha ħafna fid-domanda domestika. Għalkemm iżgħar, il-kontribut tal-esportazzjoni netta kien pożittiv ukoll, u dan jirrifletti t-tkabbir kontinwu fl-esportazzjoni. Waqt li t-tkabbir tal-PDG immodera fl‑ewwel sitt xhur tal-2019, f'livell ta' 4.7% baqa' ogħla sew mill-medja taż-żona tal‑euro li kienet ftit iktar minn 1.0%.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jistenna li r-ritmu pożittiv f'Malta jibqa' jippersisti kemm fl‑2019 kif ukoll fl-2020. Hu previst li d-domanda domestika tibqa' l-istimolu ewlieni tal‑attività ekonomika. Kundizzjonijiet favorevoli tas-suq tax-xogħol, kif riflessi fi tnaqqis fil-qgħad minn tmiem l-2018 'l hawn, u suq tad-djar dinamiku, għalkemm qed jinnormalizza gradwalment, għandhom ikomplu jappoġġaw id-dħul tal‑individwi u l-konsum privat. Barra minn hekk, it-tkabbir fil-konsum tal-gvern se jibqa' għoli, billi l-Gvern mistenni juża ftit mill-ispazju fiskali tiegħu, waqt li l‑investiment mistenni jżomm sehem għoli fil-PDG, u dan jirrifletti t-tijib sostanzjali fl‑infrastruttura ta' Malta.

Dr Vella wissa li madankollu, it-tkabbir se jibda' jimmodera meta mqabbel ma' dak tal‑2018, u dan jirrifletti żewġ fatturi ewlenin. L-ewwel nett, minħabba l-ambjent estern inqas favorevoli, qed nipprevedu kontribuzzjonijiet aktar baxxi mill-esportazzjoni. It‑tieni, ta' min jistenna li ekonomija li qed tikber malajr ħafna terġa' lura gradwalment għal rati li jkunu aktar konformi mat-tkabbir fit-tul tagħha.

Tabilħaqq, Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi fiż-żona tal-euro li għandha l-ispazju fiskali meħtieġ biex ittaffi l-effetti ta' domanda barranija iżjed dgħajfa. Idealment il-Gvern għandu juża dan l-ispazju biex itejjeb l-istokk kapitali tal-ekonomija u t-tkabbir potenzjali.

Dr Vella stqarr li l-Bank Ċentrali ta' Malta jappoġġa bis-sħiħ id-determinazzjoni tal‑Gvern li jħabrek biex jintlaħqu l-ogħla standards fil-ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

Dr Vella sostna li hu meħtieġ ukoll aktar investiment fil-kapital uman. Ir-rekord ekonomiku pożittiv ta' Malta hu parzjalment rifless ukoll fl-influss dejjem jikber ta' ħaddiema barranin. Għalkemm il-barranin, inklużi dawk ġejjin minn barra l-UE, huma preżenti fis-setturi kollha u fil-livelli kollha, l-impjieg tagħhom żdied l-aktar fis-servizzi ta' appoġġ professjonali u amministrattiv u mhux, kif ġieli jingħad, fis-setturi karatterizzati minn livelli aktar baxxi ta' ħiliet.

Aqra id-diskors sħiħ hawn.

Photo Governor

Lura lejn l-Arkivju