News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

20/11/2019

Ħruġ tat-tieni edizzjoni tal-Bullettin tar-Riċerka waqt il-Workshop Annwali

Dan l-aħħar il-Bank Ċentrali ta' Malta organizza l-Workshop Annwali tiegħu dwar irRiċerka għall-2019 fejn saru għadd ta' preżentazzjonijiet ta' xogħol ta' riċerka minn mistiedna barranin u mill-istaff tal-Bank. F'dan il-Workshop il-Bank ippubblika lBullettin tar-Riċerka għall-2019.

Skont il-Bank Ċentrali ta' Malta, is-sehem dejjem jiżdied tas-servizzi fl-ekonomija Maltija u r-riforma tal-politika tal-gvern dwar l-enerġija wasslu biex l-impatt tal‑prezzijiet tal-importazzjoni fuq l-iżviluppi fil-prezzijiet domestiċi kien iżjed baxx milli kien fl-imgħoddi.

L-ekonomista Noel Rapa spjega t-tnaqqis fl-impatt tal-prezzijiet tal-importazzjoni fil‑preżentazzjoni li għamel waqt ir-raba' workshop annwali dwar ir-riċerka organizzat mill-Bank. Waqt il-workshop tas-sena l-oħra tnieda l-ewwel Bullettin tar-Riċerka, format li reġa' ntuża din is-sena.

Fil-preżentazzjoni tiegħu s-Sur Rapa fisser il-bidliet fil-mudell ekonometriku użat mill-Bank biex jivvaluta r-relazzjonijiet ekonomiċi fl-ekonomija Maltija. Il-mudell - imsejjaħ STREAM - hu kapaċi janalizza, fost xenarji oħra, x'jista' jiġri f'każ ta' żieda teoretika ta' 10% fil-prezzijiet taż-żejt, u sab li l-impatt ikun nofs dak li rriżulta fil-valutazzjoni preċedenti tal-mudell li saret tliet snin ilu.

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Sandro Demarco, qal li r-riċerka tal-Bank tindika li waqt li d-dinamika tal-prezzijiet f'Malta saret inqas dipendenti fuq il‑prezzijiet barranin, dawn saru dejjem aktar sensittivi għall-iżviluppi fis-suq domestiku tax-xogħol, speċjalment fid-dawl tal-importanza dejjem tiżdied tas-servizzi fil-konsum domestiku.

Din hi t-tielet darba li STREAM qed jiġi rivedut, u b'hekk qed jiġi żgurat li l-mudell jibqa' jinkorpora l-aktar żviluppi reċenti fl-ekonomija Maltija. Bħalissa l-mudell juża 257 ekwazzjoni.

STREAM mhuwiex l-uniku mudell użat mill-Bank li jiġi aġġornat regolarment. L‑ekonomista William Gatt Fenech spjega kif mudell ieħor - MEDSEA, żviluppat fl-2016 - kien qed jiġi żviluppat aktar biex jidentifika rabtiet bejn il-prezzijiet tad-djar, il-kreditu u l-konsum. Dan il-mudell strutturali se jintuża fl-istudju tar-rwol li l-istrumenti tal-politika makroprudenzjali, bħall-proporzjon massimu tas-self fil-konfront tal-valur u r-rekwiżiti tal-kapital bankarju, għandhom fil-kontroll taċ-ċikli finanzjarji.

Il-mudelli ekonomiċi kienu wkoll is-suġġett magħżul minn wieħed mill-kelliema mistiedna fil-workshop, fejn kienu preżenti kemm impjegati tal-Bank kif ukoll partijiet interessati barranin. Id-deputat-kap tad-Direttorat tal-Perspettiva Ekonomika u l‑Politika Monetarja, Stefano Neri, tal-Banca D'Italia, spjega li l-mudelli ekonomiċi ma rnexxielhomx ibassru l-kriżi finanzjarja ta' għaxar snin ilu. Għalkemm minn dak iż‑żmien ġew riveduti u aġġornati, jeħtieġ li jerġgħu jiġu riveduti biex jinkorporaw l‑impatt fit-tul ta' żviluppi demografiċi negattivi.

Il-kelliem mistieden l-ieħor, il-kap tal-Unità tal-Innovazzjoni u l-Ekonomija Diġitali fil‑Bank for International Settlements, Leonardo Gambacorta, ħa direzzjoni differenti u tkellem dwar ir-riskji operazzjonali u ċibernetiċi għas-settur finanzjarju fil-livell internazzjonali. Wara żieda sostanzjali li rriżultat mill-kriżi finanzjarja kbira, it-telf operazzjonali dan l-aħħar naqas. Waqt li hu stmat li ż-żmien bejn l-okkorrenza tat-telf u r-rikonoxximent tiegħu jaqbeż, bħala medja, sena u tliet xhur, dan ivarja ħafna bejn id-diversi ġurisdizzjonijiet. Qal li hu anqas probabbli li avvenimenti ta' frodi interni u nuqqasijiet minħabba negliġenza jiġu identifikati, jew idumu aktar biex jiġu identifikati minn avvenimenti oħra, speċjalment fil-każ ta' banek iżjed żgħar.

Tkellem ukoll dwar it-telf ċibernetiku, u qal li f'kundizzjonijiet ugwali, is-settur finanzjarju kien inqas milqut minn setturi oħra minħabba li għandu t-tendenza li jinvesti aktar biex jipproteġi ruħu kontra riskji bħal dawn.

L-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali ta' Malta, Aaron Grech, irrapporta li l‑produzzjoni tad-dipartiment tar-riċerka tal-Bank kienet kważi t-triplu ta' dik tal-2013. Is-Sur Demarco saħaq fuq l-importanza tar-riċerka biex jingħarfu t-tendenzi: "Minħabba r-ritmu mgħaġġel tal-bidla fl-ekonomija Maltija, dawk li jfasslu l-politika jeħtieġu settijiet ta' dejta u strumenti analitiċi ġodda biex ikunu jistgħu jissorveljaw l‑iżviluppi b'mod xieraq."

"Fl-istess ħin l-iżvilupp ta' mudelli ġodda u ta' settijiet ġodda ta' dejta jieħu ħafna ħin u riżorsi konsiderevoli, ħaġa li kultant tista' ma taqbilx mal-medda qasira ta' żmien disponibbli biex dawk li jfasslu l-politika jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Fil-kummenti finali tiegħu qal li għalhekk hu ta' importanza fundamentali li r-riċerka ekonomika tħares 'l quddiem u tkun proattiva, biex tiżgura li tibqa' rilevanti għal dawk li jfasslu l‑politika".

Ritratt

Lura lejn l-Arkivju