News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

18/11/2019 11:00:00

45.6% tal-Households Irnexxielhom Ifaddlu - Ħruġ tar-Research Bulletin għall-2019

Matul l-2016, 45.6% tal-households irnexxielhom ifaddlu parti mid-dħul gross tagħhom, żidiet minn 36.6% fl-2013 u 23.7% fl-2010.

L‑informazzjoni hija waħda minn għadd ta' xejriet interessanti li rriżultaw mit‑tielet Stħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Households (HFCS) li sar mill‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑2017. Iż‑żewġ waves preċedenti saru fl‑2010 u fl‑2014.

Skont l‑aħħar stħarriġ, 97.1% tal‑households kollha kellhom tal‑inqas tip wieħed ta' ass finanzjarju, żewġ punti perċentwali aktar mill‑2013, bil‑valur medjan tal‑assi finanzjarji miżmuma fil‑livell ta' €22,512.

Id‑depożiti bankarji huma l‑aktar tip komuni ta' assi finanzjarji miżmuma minn households: 96.4% ta' dawk inklużi fil‑kampjun fl‑2016.

L‑istħarriġ ta ħarsa wkoll lejn id‑dejn totali tal‑households fost il‑households kollha li għandhom xi forma ta' dejn, li jinkludi kemm id‑dejn ipotekarju u kemm id‑dejn mhux ipotekarju bħalma huwa d‑dejn fuq kards ta' kreditu u assi oħrajn. Il‑valur medjan ta' dan hu stmat għal €40,000, ferm ogħla mit‑tieni wave. Tqabbil maż‑żewġ waves preċedenti jissuġġerixxi li ż‑żieda kienet xprunata l‑aktar minn żieda fid‑dejn ipotekarju.

Sadattant, il‑valur medjan tal‑ipoteki fl‑aħħar wave kien ta' €80,000.

Il‑proporzjon tad‑dejn ipotekarju medjan mad‑dħul gross tal‑households kien 221.7% fl‑2016, żieda ta' 8.8% mill‑2014. Din iż‑żieda tirrifletti ż‑żieda msemmija hawn fuq fid‑dejn ipotekarju medjan, li tista' parzjalment tirrifletti żidiet fil‑prezzijiet tal‑proprjetà u l‑maturitajiet itwal ta' self.

Minkejja din iż‑żieda fid‑dejn ipotekarju medjan, l‑ispiża tas‑servizz tad‑dejn ipotekarju kienet stmata fil‑livell ta' 14.5% tad‑dħul ta' dawk il‑households, nofs punt perċentwali biss aktar mill‑istħarriġ ta' qabel, li jirrifletti tnaqqis fir‑rati tal‑imgħax.

Ġbir ta' data għar‑raba' wave tal‑HFCS hu skedat li jibda fl‑aħħar trimestru tal‑2020.

SEJBIET PRINĊIPALI MILL‑HFCS

  • Fl‑2016, kien hemm madwar 170,000 household f'Malta, b'medja ta' 2.5 membri għal kull household (2010: 2.9 membri).
  • 30% tal‑households għandhom żewġ membri biss, filwaqt li 25% għandhom persuna waħda. Inqas minn kwart tal‑households kellhom erba' persuni jew aktar (2010: 33%).
  • 80.6% tal‑households għandhom ir‑residenza prinċipali tagħhom (2013: 80.1%) - jew b'xiri dirett jew b'ipoteka.
  • 67.4% tal‑gross totali tad‑dħul tal‑households ġie mix‑xogħol. Dħul minn pensjonijiet u trasferimenti soċjali ammonta għal 13.6% u 2.9%, rispettivament. Dħul minn investiment finanzjarju kien fil‑livell ta' 2.1% biss tat‑total.
  • Id‑dħul gross medjan tal‑households Maltin fl‑2016 kien stmat għal €25,417, żieda ta' 23.6% mill‑2010, li kien primarjament xprunat minn żieda fil‑dħul tal‑impjegati.
  • L‑istima tal‑ġid nett medjan tal‑households (it‑total ta' investimenti ta' assi reali u finanzjarji netti tal‑obbligazzjonijiet) kienet ta' €236,529 fl‑2016.
  • Il‑koeffiċjent Gini bbażat fuq l‑HFCS, li jkejjel l‑inugwaljanza, juri li l‑inugwaljanza fil‑ġid nett tal‑households żdiedet bi ftit fl‑2016 għal 0.60 (2010: 0.57).

Is‑sejbiet tal‑HFCS ġew ippubblikati fir‑Research Bulletin għall‑2019 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, li kien ippubblikat għall‑ewwel darba s‑sena li għaddiet bħala parti mill‑ħamsin anniversarju tiegħu. Din it‑tieni edizzjoni tinkludi tliet artikli oħra li jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma ta' riċerka.

"Minħabba r‑ritmu mgħaġġel tal‑bidla fl‑ekonomija Maltija, dawk li jfasslu l‑politika jeħtieġu settijiet ġodda ta' data u għodod analitiċi ġodda sabiex ikunu jistgħu jissorveljaw l‑iżviluppi b'mod suffiċjenti. Dan huwa minnu b'mod partikolari f'oqsma bħall‑istudju tal‑inugwaljanza u s‑suq tad‑djar.

"Fl‑istess ħin l‑iżvilupp ta' mudelli ġodda u settijiet ġodda ta' data jieħu ħafna ħin u riżorsi, li kultant jista' jiġi f'kunflitt maż‑żmien qasir disponibbli għal dawk li jfasslu l‑politika sabiex jieħdu d‑deċiżjonijiet tagħhom. Din hija r‑raġuni għaliex huwa ta' importanza fundamentali li r‑riċerka ekonomika tħares 'il quddiem u tkun proattiva, sabiex ikun żgurat li tibqa' rilevanti għal dawk li jfasslu l‑politika," saħaq Aaron Grech, iċ‑Chief Economist tal‑Bank.

L‑ewwel artiklu jippreżenta aġġornament tal‑mudell makroekonomiku ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar l‑ekonomija Maltija. Minkejja l‑bidliet konsiderevoli fix‑xenarju makroekonomiku f'dawn l‑aħħar snin - jiġifieri perjodu ta' tkabbir ekonomiku b'saħħtu ħafna - ħafna mir‑relazzjonijiet ewlenin sottostanti għall‑ekonomija Maltija baqgħu b'mod ġenerali l‑istess. Madankollu, ir‑riżultati jindikaw li d‑dinamika tal‑prezzijiet f'Malta saret inqas dipendenti fuq il‑prezzijiet barranin u dejjem iktar sensittiva għall‑iżviluppi fis‑suq domestiku tax‑xogħol. Is‑sehem dejjem jiżdied tas‑servizzi fi ħdan l‑ekonomija ta' Malta, flimkien ma' tnaqqis fit‑talbiet għall‑fjuwils fossili minħabba r‑riformi fis‑settur tal‑enerġija, fisser ukoll li l‑gżejjer saru inqas sensittivi għaċ‑ċaqliq fil‑prezzijiet taż‑żejt.

Biex jikkumplimenta l‑mudell STREAM, il‑Bank f'dawn l‑aħħar snin fassal mudell ieħor: MEDSEA. Bl‑użu tal‑iktar verżjoni riċenti tal‑mudell, l‑artiklu juri kif regola li tillimita s‑self massimu li jista' jingħata għal valur ta' dar partikolari teoretikament ittaffi r‑rispons li kieku jogħlew il‑prezzijiet tad‑djar. Dan jenfasizza l‑potenzjal li tintuża l‑politika makroprudenzjali sabiex jiġu limitati r‑riskji sistemiċi.

L‑aħħar artiklu tar‑Research Bulletin juża data miksuba minn kuntratti ipotekarji mogħtija mill‑istituzzjonijiet ewlenin ta' kreditu f'Malta sabiex jikkalkula firxa ta' indiċijiet tal‑prezzijiet tad‑djar għall‑perjodu 2010‑2018. Mill‑istudju ħareġ li wara perjodu ta' tkabbir relattivament stabbli matul il‑perjodu 2011‑2014, li jvarja bejn 1.1% u 1.5%, is‑snin sussegwenti raw irpiljar qawwi, b'medja ta' bejn 7.8% u 8.4%. Madankollu, l‑istudju jinnota wkoll li s‑suq ipotekarju issa tipikament ikopri biss madwar nofs is‑suq tal‑proprjetà f'Malta, u n‑nofs l‑ieħor iddominat minn mezzi oħra ta' finanzjament. Dan jista' jillimita l‑ġeneralizzazzjoni tar‑riżultati tal‑artiklu għas‑suq tal‑proprjetà inġenerali.

45.6% tal-Households Irnexxielhom Ifaddlu  - Ħruġ tar-Research Bulletin għall-2019 

Lura lejn l-Arkivju