News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

14/11/2019

Miri għall-inflazzjoni bħala għodda tal-politika monetarja: L-Esperjenza Ċeka

L‑issettjar ta’ miri flessibbli għall‑inflazzjoni rriżulta li huwa għodda tal‑politika monetarja ta’ suċċess għar‑Repubblika Ċeka matul l‑aħħar 20 sena, u ġab il‑livelli għoljin tal‑inflazzjoni lura għall‑miri mixtieqa, qal is‑Sur Marek Mora, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali tar‑Repubblika Ċeka.

Ir‑Repubblika Ċeka kienet l‑ewwel ekonomija emerġenti li introduċiet il‑miri għall‑inflazzjoni fl‑1998. Fl‑ewwel għaxar snin minn meta ġiet introdotta din l‑għodda, din għenet bid‑diżinflazzjoni u l‑istabbilizzazzjoni tal‑inflazzjoni, u fit‑tieni għaxar snin, din għenet lir‑Repubblika Ċeka – li dak iż‑żmien kienet diġà Stat Membru tal‑UE – tnaqqas l‑inflazzjoni għal‑livelli normalment stabbiliti fil‑pajjiżi żviluppati, għalkemm ix‑xenarji negattivi esterni kkawżaw devjazzjonijiet temporanji sinifikanti.

Is‑Sur Mora kien qed jitkellem waqt lekċer pubblika b’attendenza numeruża nhar it‑Tlieta, bħala parti miż‑żjara tiegħu fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Huwa għamel referenza wkoll għall‑fatt li r‑Repubblika Ċeka għandha wieħed mill‑aktar livelli baxxi ta’ appoġġ għall‑adozzjoni tal‑euro fl‑UE: skont l‑Ewrobarometru tar‑Rebbiegħa, 26% biss tal‑popolazzjoni hija favur, b’67% kontra. Madankollu aċċenna li kwalunkwe deċiżjoni dwar l‑adozzjoni tal‑euro ser tkun waħda politika.

Il‑Bulgarija u l‑Kroazja huma mħejjija sabiex jingħaqdu maż‑żona monetarja, iżda s’issa r‑Repubblika Ċeka ma wriet l‑ebda indikazzjoni li tixtieq issegwi l‑passi tagħhom – obbligu li jiġi mas‑sħubija fl‑UE.

Is‑Sur Mora spjega li s‑settur tan‑negozju kellu t‑tendenza li jkun aktar favur l‑adozzjoni tal‑euro milli l‑households, filwaqt li jinnota li l‑pajjiż kellu l‑ogħla sehem ta’ esportazzjonijiet lejn il‑Ġermanja, aktar minn kwalunkwe Stat Membru.

Iċ‑Ċeki ilhom bil‑munita tagħhom – il‑koruna – għal mitt sena. B’mod allegru, is‑Sur Mora semma li r‑Repubblika Ċeka kienet l‑unika ‘Repubblika’ li kellha ‘kuruna’ bħala l‑munita tagħha. Madankollu, huwa enfasizza wkoll l‑importanza tal‑kapaċità tal‑pajjiż li juża r‑rata tal‑kambju bħala għodda tal‑politika monetarja.

Huwa qal li s‑sistema kienet kapaċi tlaħħaq mat‑theddida ta’ deflazzjoni ta’ ħsara matul riċessjoni lokali fit‑tul, grazzi għall‑użu tar‑rata tal‑kambju bħala strument addizzjonali tal‑politika monetarja.

Fil‑kummenti tiegħu tal‑għeluq, il‑Gvernatur Mario Vella rrefera għall‑kontinġent imdaqqas tal‑impjegati tiegħu fl‑udjenza. Il‑Gvernatur qal li l‑iskambju sinċier kien opportunità kbira għalihom sabiex japprezzaw id‑diversi metodi meħuda mill‑banek ċentrali, hekk kif dan għen biex iwessgħu l‑orizzonti tagħhom.

Lekċers pubbliċi oħrajn huma ppjanati, bl‑involviment ta’ kelliema minn banek ċentrali fiż‑żona tal‑euro u kif ukoll barra miż‑żona tal‑euro.

Ċifri ewlenin:

  • Il‑PDG per capita fil‑parità tal‑poter tal‑akkwist kien 90% tal‑medja tal‑UE fl‑2018.
  • Il‑livell tad‑dejn pubbliku kien 32.7% tal‑PDG fl‑2018.
  • Ir‑Repubblika Ċeka għandha surplus baġitarju.
  • Ir‑rata tal‑qgħad tal‑pajjiż (2.1% f'Settembru 2019) hija l‑iktar waħda baxxa fl‑UE.

Link għall-preżentazzjoni

Public Lecture - Marek Mora

Public Lecture - Marek Mora

Public Lecture - Marek Mora

Lura lejn l-Arkivju