News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

13/11/2019

Studju dwar Kiri għal Żmien Qasir f’Ekonomija Kollaborattiva

Studju li sar mill‑Bank Ċentrali ta' Malta jiżvela li kien hemm 8,761 proprjetà mniżżlin mal‑AirBnB f'Mejju 2019, li jistgħu jiġġeneraw - bħala medja - daqs €2,400 fix‑xahar għat‑3,856 ospitant tagħhom.

L‑AirBnB, li toffri kiri għal żmien qasir f'81,000 belt f'191 pajjiż, ma tippubblikax ħafna informazzjoni u għalhekk riċerkatur mill‑Bank kiseb id‑data minn dak li kien hemm online fuq din il‑pjattaforma f'Mejju 2019. Id‑data ma tkoprix siti elettroniċi oħrajn u li jkollok osservazzjoni miġbura darba waħda jfisser li r‑riżultati jistgħu jkunu affettwati mid‑disponibbiltà staġjonali u l‑ipprezzar.

L‑impatt ta' dawn il‑proprjetajiet huwa konsiderevoli. Huma jistgħu potenzjalment joffru daqs 8.0 miljun lejl. Jekk tittieħed rata ta' okkupazzjoni ta' 70%, il‑prezz medju għal kull lejl huwa €80.20, li jiġġenera dħul ta' €111.1‑il miljun.

Filwaqt li, bħala medja, l‑ospitanti jkunu jistgħu jaqilgħu €2,400 fix‑xahar, ir‑riċerka tindika li l‑aqwa 10.0% tal‑ospitanti jaqilgħu madwar 59.5% tad‑dħul. Dan joħloq assimetrija fid‑distribuzzjoni, b'tali mod li ħafna mill‑ospitanti jaqilgħu ferm inqas mill‑istima medja, iżda xi wħud jaqilgħu ħafna aktar.

Il‑biċċa l‑kbira tal‑ospitanti joffru r‑residenza kollha għall‑kiri għal żmien qasir, bil‑parti l‑kbira kkonċentrati madwar iż‑żoni turistiċi tradizzjonali u l‑ibliet ta' villeġġjatura, għalkemm huma wkoll mifruxin f'żoni bħall‑Kottonera, ir‑Rabat u żoni rurali oħra madwar Malta u Għawdex, li tipikament ma jospitawx turisti.

Il‑fatt li ħafna residenzi sħaħ qegħdin jiġu offruti fuq bażi AirBnB iwassal għal waħda mill‑preokkupazzjonijiet ewlenin fuq l‑impatt ta' dan is‑settur, jiġifieri li eluf ta' proprjetajiet mhumiex fis‑suq tad‑djar fit‑tul. Ir‑riċerka turi li l‑użu ta' parti sinifikanti tal‑unitajiet residenzjali għal kirjiet għal żmien qasir hu stmat li jżid il‑prezzijiet reali tad‑djar bi 2.8% fuq żmien twil.

L‑ammont iġġenerat għall‑ospitanti huwa komparabbli mar‑rata tas‑suq għall‑kiri fit‑tul ta' proprjetà kbira f'żona b'domanda għolja. U l‑figuri huma wkoll ibbażati fuq suppożizzjonijiet konservattivi peress li d‑dħul proprju jista' jkun ħafna akbar, għaliex l‑istudju jeskludi spejjeż żejda oħra bħat‑tindif u l‑utilitajiet. B'mod globali, dan jagħmel il‑kiri għal żmien qasir ferm aktar profittabbli minn alternattivi ta' kiri fit‑tul.

Minbarra l‑impatt fuq il‑prezzijiet tad‑djar, għandu jitqies ukoll l‑impatt fuq forom aktar tradizzjonali ta' akkomodazzjoni bħal‑lukandi u l‑guesthouses. L‑ospitanti tal‑AirBnB offrew 36,222 sodda f'Mejju 2019, imqabbel - pereżempju - mat‑42,927 offruti minn akkomodazzjoni kollettiva f'Awwissu 2017.

It‑8.0 miljun lejl li dawn il‑proprjetajiet teoretikament qed joffru jridu jitqiesu fil‑kuntest tal‑10.1 miljun lejl f'akkomodazzjoni kollettiva fl‑2018. Fl‑ewwel trimestru tal‑2019, madwar terz tat‑turisti li qagħdu f'akkomodazzjoni mikrija għażlu residenzi privati. Madankollu, f'dawn l‑aħħar xhur, l‑istabbilimenti ta' akkomodazzjoni kollettiva esperjenzaw tnaqqis fir‑ritmu, u n‑numri ta' ljieli f'akkomodazzjoni kollettiva fil‑fatt naqas kemxejn, minkejja li b'mod ġenerali kien hemm żidiet moderati fil‑wasliet fl‑ewwel tliet xhur tas‑sena.

Aktar minn nofs l‑ospitanti tal‑AirBnB għandhom tliet proprjetajiet jew aktar, u t‑tul tad‑disponibbiltà jindika li ħafna qed jitmexxew bħala operazzjonijiet kważi kummerċjali. L‑akbar erba' ospitanti jikkontrollaw 3.4% tat‑total tal‑proprjetajiet - ospitant wieħed għandu 110 proprjetajiet - għalkemm dan jista' jindika l‑użu ta' kumpaniji għall‑amministrazzjoni tal‑proprjetajiet. Jidher li filwaqt li l‑AirBnB tista' sservi bħala sors sekondarju ta' dħul għal madwar terz tal‑ospitanti, ħafna proprjetajiet huma mmexxija minn operaturi semiprofessjonali jew kummerċjali.

L‑istudju jenfasizza li għandu jiġi evitat il‑konċentrament ta' kiri għal żmien qasir, minħabba li l‑effetti fit‑tul fuq il‑komunitajiet u r‑residenti jistgħu jaffettwaw il‑karattru, ix‑xenarju u l‑abbiltà tal‑komunitajiet li jippersistu matul iż‑żmien. Dawk li jfasslu  r‑regoli f'bosta pajjiżi u bliet barranin bdew jillimitaw in‑numru ta' ġranet li proprjetà tista' tinkera, jew jimponu miżati u taxxi fuq l‑ospitanti.

"Il‑kiri għal żmien qasir jista' jaffettwa l‑kwalità tal‑ħajja tal‑komunitajiet, kif ukoll il‑prezzijiet residenzjali tal‑viċinat u d‑disponibbiltà tal‑akkomodazzjoni. Dawk li jfasslu l‑politika għandhom jivvalutaw u jistudjaw l‑implikazzjonijiet u l‑benefiċċji ta' din l‑industrija. Dawn l‑istudji għandhom jivvalutaw jekk dan id‑dħul mill‑kiri għal żmien qasir huwiex intaxxat, kif għandu jiġi intaxxat - għall‑finijiet tad‑dħul u l‑ekokontribuzzjoni - kif ukoll jekk id‑dħul iġġenerat minn din it‑tassazzjoni huwiex trasferit lill‑awtoritajiet bil‑kompitu li jindirizzaw il‑pressjonijiet iġġenerati minn dan il‑kiri, jew imurx għand il‑komunitajiet u l‑kunsilli lokali l‑aktar milquta minn dan il‑fenomenu", qal Reuben Ellul, l‑awtur ta' din il‑policy note u l‑ekonomista prinċipali fl‑Economic Analysis Department tal‑Bank.

Kont timmaġina li...?

  • Mit‑total ta' 8,761 proprjetà, 5,532 huma residenzi sħaħ, 2,905 huma kmamar privati, u 324 huma kmamar kondiviżi.
  • Tnejn minn kull tliet proprjetajiet huma appartamenti, segwiti minn djar u townhouses, u vilel.
  • L‑aqwa għaxar lokalitajiet huma Tas‑Sliema (1,053), San Pawl il‑Baħar (994), San Ġiljan (781), il‑Mellieħa (448), il‑Belt Valletta (434), il‑Gżira (433), l‑Imsida (355), is‑Swieqi (340), iż‑Żebbuġ - Għawdex (327) u Wied il‑Għajn (275).
  • L‑aktar lokalità bi prezzijiet għolja hija l‑Għargħur filwaqt li l‑irħas hija Santa Luċija.
  • Pool jgħolli l‑prezz finali b'21.0% u veduta tal‑baħar b'14.0%.
  • Il‑biċċa l‑kbira tal‑proprjetajiet huma disponibbli għall‑biċċa l‑kbira tas‑sena: 6,700 huma disponibbli għal aktar minn 120 jum fis‑sena.

Infographic

Airbnb

Lura lejn l-Arkivju