News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

19/09/2019

Lekċer pubblika fil-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar Brexit

L‑Erbgħa 18 ta' Settembru, il‑Professur Paul Mizen mill‑Università ta' Nottingham ta lekċer pubblika fil‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑lekċer kienet intitolata 'Are we nearly there yet? Evidence from business expectations and uncertainty about Brexit'. Il‑kelliem ġie introdott minn Mr John Caruana, Kap tal-Monetary Policy & Operations and Eurosystem Relations Department.. Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Dr Mario Vella, għamel id‑diskors tal‑għeluq.

Paul Mizen ilu membru tal‑fakultà fl‑iSchool of Economics tal‑Università ta' Nottingham mill‑1992, u attwalment Professur tal‑Ekonomija Monetarja u Direttur tas‑Centre for Finance, Credit and Macroeconomics. Qabel, hu għallem fl‑Istitut Universitarju Ewropew, fl‑Università ta' Princeton u fl‑Università ta' Vjenna. Paul Mizen għandu interess wiesa' f'materji relatati mal‑politika monetarja, l‑attività tal‑banek ċentrali, is‑swieq finanzjarji, l‑investiment korporattiv u l‑produttività. Il‑Professur Mizen huwa konsulent tal‑Bank of England u kien viżitatur akkademiku tal‑Bank għall‑Ħlasijiet Internazzjonali, il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Fond Monetarju Internazzjonali, il‑Federal Reserve tal‑Istati Uniti u ta' numru ta' istituzzjonijiet oħra. Hu ppubblika seba' kotba u aktar minn 120 artiklu dwar diversi oqsma tal‑ekonomija. Xogħlu ġie tradott għaċ‑Ċiniż, Ġappuniż, Korean u Spanjol.

Fil‑lekċer tiegħu, il‑Professur Mizen argumenta li d‑deċiżjoni tar‑Renju Unit li joħroġ mill‑Unjoni Ewropea (UE) fir‑referendum ta' Ġunju 2016 kienet fil‑biċċa l‑kbira avveniment mhux mistenni li ġġenera żieda kbira, wiesgħa u fit‑tul fl‑inċertezza. Sabiex jiġu studjati l‑effetti ta' din l‑inċertezza fuq il‑kumpaniji, il‑Professur Mizen u l‑koawturi tiegħu użaw data mid‑Decision Maker Panel (DMP), li huwa stħarriġ fuq skala kbira u rappreżentattiv ta' kull xahar ta' kumpaniji fir‑Renju Unit. Numru ta' sejbiet ewlenin minn dan l‑istudju jispikkaw. L‑ewwel, il‑Brexit ipprovda skoss kbir u persistenti ta' inċertezza fuq il‑kumpaniji fir‑Renju Unit. It‑tieni, il‑Brexit affettwa diversi kumpaniji aktar minn oħrajn skont is‑saħħa tar‑rabtiet tagħhom mal‑Ewropa kontinentali. B'mod partikolari, l‑inċertezza kienet ikbar f'industriji li huma aktar dipendenti fuq il‑kummerċ mal‑UE u fuq il‑ħaddiema migranti mill‑UE. It‑tielet, din l‑inċertezza diġà kellha impatt negattiv fuq l‑investiment u l‑produttività matul it‑tliet snin wara r‑referendum. L‑inċertezza madwar Brexit kienet primarjament dwar l‑impatt fuq in‑negozji fuq żmien itwal iktar milli fuq żmien iqsar, inkluża l‑inċertezza dwar iż‑żmien magħżul biex isiru kwalunkwe arranġamenti ta' tranżizzjoni u madwar in‑natura ta' Brexit.

Din il‑lekċer hija parti minn ftehim iffirmat riċentement ta' tliet snin bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Università ta' Nottingham li huwa mfassal sabiex isaħħaħ ir‑rabtiet akkademiċi bejn iż‑żewġ istituzzjonijiet. Apparti din il‑lekċer, f'Settembru ngħataw żewġ korsijiet ta' taħriġ ta' livell għoli dwar il‑makroekonomija u l‑politika monetarja minn akkademiċi mill‑iSchool of Economics tal‑Università ta' Nottingham. Dawn il‑korsijiet attiraw bankiera ċentrali mill‑Ewropa, mill‑Afrika u mil‑Lvant Nofsani, flimkien ma' numru ta' gradwati mill‑Università ta' Malta. Dawn l‑inizjattivi edukattivi huma fost diversi meħuda mill‑Bank bħala parti mill‑programm tiegħu ta' responsabbiltà soċjali korporattiva bil‑għan li jgħin fl‑iżvilupp tal‑karrieri tal‑impjegati tiegħu u kif ukoll joffri opportunitajiet uniċi lil oħrajn f'Malta li huma interessati jew involuti f'din l‑isfera importanti.

Din hija t‑tielet lekċer pubblika mis‑sensiela dwar l‑Ekonomija u l‑Finanzi minn kelliem internazzjonali li saret il‑Bank din is‑sena.  

Lekċer pubblika fil-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar Brexit

Lekċer pubblika fil-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar Brexit

Lura lejn l-Arkivju