News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

16/08/2019 10:30:00

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Kien hemm żieda fin‑numru ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz li ġew irrapportati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑ewwel nofs tal‑2019.

L‑ammont totali ta' 844 karta tal‑flus falza li ġew irtirati miċ‑ċirkolazzjoni kien ogħla minn dak irtirat fis‑sitt xhur ta' qabel (Lulju sa Diċembru 2018), u ogħla wkoll mill‑ammont irrapportat fl‑istess perjodu tal‑2018 (Jannar sa Ġunju).

Madankollu, filwaqt li żdied l‑ammont ta' karti tal‑flus foloz matul dan il‑perjodu, l‑ammont totali ta' karti tal‑flus foloz maqbuda matul l‑2017 u l‑2018 jibqa' sostanzjalment taħt l‑ammonti rrappurtati fis‑snin ta' qabel.

Meta mqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 12.16‑il miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2019), il‑proporzjon ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.33%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 251,000 karta tal‑flus.

Konformi mal‑iżviluppi fiż‑żona tal‑euro, il‑karti tal‑flus tal‑€20 u tal‑€50 jibqgħu l‑iktar karti li jiġu ffalsifikati misjuba lokalment. Flimkien, dawn iż‑żewġ denominazzjonijiet jammontaw għal 89.0% tal‑flus foloz kollha matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2019. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karta tal‑€10 esperjenza tnaqqis żgħir.

It‑tabella li ġejja tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2019, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. 

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal‑Euro

1.6

3.0

27.9

54.2

10.4

1.4

1.5

Malta

0.5

5.9

28.6

60.4

4.3

0.3

0.0

Il‑Bank jixtieq ifakkar lill‑pubbliku li l‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, b'karatteristiċi msaħħin tas‑sigurtà, ġew imnedija fit‑28 ta' Mejju 2019. Il‑manifatturi tat‑tagħmir tal‑karti tal‑flus ser ikomplu jirċievu sapport mill‑Eurosistema fl‑adattament tal‑magni u t‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni għall‑karti tal‑flus il‑ġodda. Jekk it‑tagħmir tagħhom għadu ma jistax jaċċetta dawn il‑karti tal‑flus, l‑operaturi jew is‑sidien għandhom jikkuntattjaw immedjatament lill‑fornituri jew il‑manifatturi tagħhom.

Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL LOOK TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.

Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑pulizija fuq 2294 2120, jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat e-mail lill-Bank.

Bi-Annual Counterfeiting

Lura lejn l-Arkivju