News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

26/07/2019

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – It-Tielet Ħarġa tal-2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2019, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l‑ewwel trimestru tal‑2019. Din il‑ħarġa tinkludi wkoll analiżi tal‑kontribut tal‑intrapriżi żgħar u medji għall‑ekonomija Maltija. Barra minn hekk, ir‑Rivista tippreżenta riżultati ta' studju dwar l-effett tad-distanza fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' merkanzija matul iż‑żmien. Fl‑aħħar, ir‑Rivista tinkludi analiżi tal‑effetti tar‑riforma riċenti tal‑pensjonijiet u tal‑influss tal‑ħaddiema barranin fuq ir‑rati tal‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol Malti.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi ekonomiċi, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu aktar moderat matul l‑ewwel trimestru tal‑2019, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'4.9% f'termini annwali, wara tkabbir ta' 7.6% fit‑trimestru preċedenti. It‑tkabbir ekonomiku f'Malta kien kważi ħames darbiet iktar minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. L‑espansjoni ekonomika kienet totalment xprunata mid‑domanda domestika, hekk kif il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta kien wieħed negattiv.

It‑tkabbir potenzjali mmodera wkoll għal 5.2% matul l‑ewwel trimestru tas‑sena minn 5.5% fir‑raba' trimestru tal‑2018. Matul it‑trimestru kopert kien hemm tnaqqis marġinali fid‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri. Għalkemm il‑livell ta' utilizzazzjoni żejda tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija qabeż il‑livell irreġistrat fl‑istess trimestru tal‑2018, baqa' sew taħt il‑livelli rreġistrati fl‑2015 u fl‑2016.

L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju naqas matul l‑ewwel trimestru tal‑2019 meta mqabbel mat‑trimestru preċedenti, iżda kompla jindika kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. L‑aħħar stimi jkomplu jissuġġerixxu li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi huma b'mod ġenerali stabbli, għalkemm f'livelli aktar baxxi minn dawk eċċezzjonali fil‑passat riċenti.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif l‑impjiegi żdiedu b'ritmu b'saħħtu filwaqt li r‑rata tal‑qgħad naqset meta mqabbla mas‑sena preċedenti. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta' 3.5% fl‑ewwel trimestru tal‑2019, inqas mir‑rata ta' 3.9% rreġistrata sena qabel u l‑istess rata tar‑raba' trimestru tal‑2018. Ġie rreġistrat tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad minkejja żieda oħra fir‑rati tal‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol u żieda fl‑impjiegi ta' barranin.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kienet f'livell moderat ta' 1.3% f'Marzu, żieda marġinali mill‑1.2% f'Diċembru, iżda taħt l‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP fiż‑żona tal‑euro li kienet fil‑livell ta' 1.4%. Dan l‑irpiljar kien primarjament sostnut minn tkabbir aktar mgħaġġel fil‑prezzijiet tas‑servizzi, li għeleb dinamika aktar dgħajfa fil‑komponenti l‑oħra. Sadattant, l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li tqis biss l‑infiq mir‑residenti f'Malta, aċċellerat għal 1.9% minn 1.5% f'Marzu. B'kuntrast għal dan, il‑kejl prinċipali tal‑inflazzjoni tal‑Bank, li jeskludi l‑komponenti l‑aktar volatili tal‑indiċi HICP, batta għal 1.0% sal‑aħħar tal‑ewwel trimestru. Dan jissuġġerixxi li r‑rata globali hija parzjalment sostnuta minn tkabbir b'saħħtu f'numru iżgħar ta' komponenti.

L‑inflazzjoni fl‑ispejjeż tal‑produtturi battiet matul it‑trimestru kopert, hekk kif it‑tkabbir annwali fl‑Indiċi tal‑Prezzijiet tal‑Produtturi naqas għal 2.1% f'Marzu, minn 3.8% tliet xhur qabel. Bl‑istess mod, l‑indiċi tal‑ispiża għal kull unità tax‑xogħol ta' Malta, imkejjel bħala moving average fuq erba' trimestri, kiber b'ritmu inqas mgħaġġel. Sadattant, wara perjodu estiż ta' żidiet, l‑indikaturi armonizzati tal‑kompetittività ta' Malta naqsu matul l‑ewwel trimestru tas‑sena. Dan jindika titjib fil‑kompetittività internazzjonali ta' Malta.

Il‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti naqas meta mqabbel mal‑istess trimestru sena qabel, minħabba żbilanċ akbar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u kif ukoll żidiet fil‑ħruġ nett relatat mal‑introjtu primarju u sekondarju. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑kont kurrenti kien ekwivalenti għal 7.7% tal‑PDG. Dan kien taħt il‑kejl tal‑Bank fir‑rigward tal‑kejl aġġustat ċiklikament, li kien stmat li laħaq it‑8.9% tal‑PDG. Dan jindika li l‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti ta' Malta primarjament jirrifletti fatturi strutturali.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali żdied meta mqabbel mal‑ewwel trimestru tal‑2018, hekk kif iż‑żieda fl‑infiq primarju għelbet dik fid‑dħul. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali baqa' pożittiv u fil‑livell ta' 1.9% tal‑PDG, tnaqqis marġinali mit‑2.0% tal‑PDG f'Diċembru 2018. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG tela' b'0.7 ta' punt perċentwali għal 46.6%, parzjalment minħabba akkumulazzjoni fl‑assi finanzjarji.

Id‑depożiti tar‑residenti Maltin ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel matul l‑ewwel trimestru tal‑2019. Sadattant it‑tkabbir fis‑self irpilja, l‑aktar minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑kreditu lil residenti f'Malta li mhumiex parti mill‑gvern ġenerali. It‑tkabbir fis‑self għal xiri ta' proprjetà residenzjali lill‑households u s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji (NFCs) baqgħu b'saħħithom. Skont l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji, il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament kienu b'mod ġenerali newtrali minn perspettiva storika matul l‑ewwel trimestru tas‑sena, u tjiebu konsiderevolment meta mqabblin mat‑trimestru preċedenti.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul l‑ewwel trimestru tal‑2019, il‑Kunsill kompla bix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu baqgħu l‑istess. Il‑Kunsill aċċenna li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas sal‑aħħar tal‑2019 u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ sabiex jiżgura l‑konverġenza tal‑inflazzjoni sostnuta b'mod kontinwu f'livelli taħt, iżda qrib, it‑2% fuq iż‑żmien medju. Fis‑6 ta' Ġunju, il‑Kunsill Governattiv estenda dan l‑impenn għall‑ewwel nofs tal‑2020.

F'Marzu, il‑Kunsill Governattiv afferma mill‑ġdid ukoll l‑intenzjoni tiegħu li jinvesti mill‑ġdid u b'mod sħiħ il‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw taħt il‑Programm għal perjodu estiż ta' żmien wara d‑data meta jibda jgħolli r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja.

Barra dan, il‑Kunsill Governattiv ħabbar li ser iniedi wkoll serje ġdida ta' seba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq żmien twil (TLTRO‑III) bi frekwenza ta' kull tliet xhur li tibda f'Settembru 2019 u tagħlaq f'Marzu 2021, kull operazzjoni b'perjodu ta' maturità ta' sentejn. Il‑Kunsill estenda wkoll il‑proċedura ta' allokazzjoni totali għall‑operat tiegħu tas‑self tal‑inqas sa tmiem il‑perjodu ta' manutenzjoni tar‑riżervi li jibda f'Marzu 2021.

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' kull tliet xhur għall‑2019 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju