News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

19/07/2019

Ħruġ ta' Munita Kommemorattiva ġdida li turi t-Tempji Ta’ Ħaġrat

Fit‑22 ta' Lulju 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑Tempji Ta' Ħaġrat. Din il‑munita hija r‑raba' minn serje ta' seba' muniti li juru siti preistoriċi fil‑gżejjer Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita (in‑naħa nazzjonali), iddisinjata minn Noel Galea Bason, turi rappreżentazzjoni tat‑Tempji Ta' Ħaġrat.

It‑Tempji Ta' Ħaġrat fl‑Imġarr imorru lura għas‑snin 3,600‑3,000 QK. Is‑sit inġieb għall‑attenzjoni ta' Sir Temi Zammit fl‑1916 u l‑ewwel skavar sar fl‑1923. Dan it‑tempju hu wieħed mill‑aħjar ippreservati f'Malta. Id‑daħla grandjuża tiegħu flimkien mat‑tliet tarġiet li jwassluk għat‑tempju huma l‑karatteristiċi ewlenin tad‑disinn tal‑munita.

Dawn il‑muniti kommemorattivi nħadmu f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni mill‑Monnaie de Paris fi Franza. Il‑ħruġ ta' dawn il‑muniti hu limitat għal 320,000 munita, li 300,000 minnhom ser jinħarġu fi stoċċijiet u 20,000 ser ikunu disponibbli f'cards. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC), li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Il‑muniti jistgħu jinxtraw ukoll mill‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat e-mail jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Munita Kommemorattiva taż-€2

Coin Card Kommemorattiva 1

Coin Card Kommemorattiva 2

Lura lejn l-Arkivju