News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

04/06/2019

Il-Mitt Sena mill-Irvellijiet tas-Sette Giugno

Fl-4 ta' Ġunju 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita tal‑fidda sabiex ifakkar il‑mitt sena mill‑irvellijiet tas‑Sette Giugno.

L‑avvenimenti tas‑7 ta' Ġunju 1919 seħħew f'kuntest kolonjali fi sfond ta' sofferenzi ekonomiċi, qgħad kbir u domanda popolari għal tmexxija awtonoma. Erba' dimostranti tilfu ħajjithom u ħafna ndarbu.

Il‑munita għandha valur nominali ta' €10. Hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 gramma u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. Il‑munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u l‑istampar tagħha hu limitat għal 1,500, inklużi l‑muniti li huma parti mill‑prodott konġunt.

Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ, 2019, fuq in‑naħa ta' quddiem. Fuq in‑naħa ta' wara tal‑munita hemm rappreżentazzjoni ta' kunflitt bejn folla u grupp ta' suldati armati.

Fil‑ġimgħat li ġejjin, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ser joħorġu wkoll prodott numiżmatiku konġunt li jinkludi l‑munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda sabiex jitfakkar dan l‑avveniment. Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda u l‑munita ser ikunu ppakkjati bħala sett f'kaxxa attraenti. Il‑prodott konġunt ser ikun limitat għal 500 sett.

Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet ukoll prodotta għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint u turi l‑bolla postali ta' €5.59 maħruġa għall‑okkażjoni tal‑mitt sena mill‑irvellijiet tas‑Sette Giugno.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mill‑e‑shop tal‑MCC stess. Jistgħu jsiru wkoll ordnijiet minn qabel għal dan il‑prodott konġunt. Il‑prezz tas‑sett huwa €105, filwaqt li l‑prezz tal‑munita waħedha huwa €60. Iż‑żewġ prezzijiet jinkludu l‑VAT.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8. 

Mitt Sena mill-Irvellijiet tas-Sette Giugno

Lura lejn l-Arkivju