News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

17/05/2019

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2019, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul ir‑raba' trimestru tal‑2018. Din il‑ħarġa tinkludi studju dwar metodu alternattiv li jissupplimenta l-metodu li l‑Bank juża biex joħroġ stima tat‑tkabbir potenzjali tal-ekonomija. Ir‑Rivista tanalizza wkoll it‑tul ta' żmien li l‑barranin għamlu fis‑suq tax‑xogħol Malti matul il‑perjodu 2002‑2017. Barra minn hekk, din l‑edizzjoni tirrapporta dwar ir‑riżultati għal Malta tal‑Istħarriġ tal‑Grupp tal‑Bank Ewropew tal‑Investiment dwar l‑Investiment u l‑Finanzjament tal‑Investiment li sar fit‑tieni trimestru tal‑2018.

Fir‑rigward tal‑aħħar żviluppi ekonomiċi, ir‑Rivista tinnota li t‑tkabbir fl‑ekonomija Maltija aċċellera matul ir‑raba' trimestru tal‑2018, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'7.2% f'termini annwali, wara tkabbir ta' 7.1% fit‑tielet trimestru tas‑sena. L‑attività ekonomika kienet xprunata mid‑domanda domestika, hekk kif il‑kontribut mill‑esportazzjoni netta kien kemxejn negattiv. It‑tkabbir annwali tal‑PDG f'Malta kien iżjed minn ħames darbiet ikbar minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro.

B'kuntrast mat‑tkabbir fil‑PDG, it‑tkabbir potenzjali batta għal 5.3% fl‑aħħar trimestru tal‑2018, minn 5.8% fit‑trimestru preċedenti, għalkemm baqa' f'livell għoli minn perspettiva storika. B'riżultat ta' dan, id‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri, żdiedet meta mqabbla mat‑tielet trimestru u fit‑trimestru korrispondenti sena qabel. Għalkemm żdied, il‑livell ta' utilizzazzjoni żejda tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija, baqa' taħt dak stmat għall‑2015 u l‑2016. L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju ma nbidilx meta mqabbel mat‑tielet trimestru tal‑2018 u mal‑aħħar trimestru tal‑2017, u baqa' jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja.

Is‑suq tax‑xogħol baqa' b'saħħtu, hekk kif l‑impjiegi żdiedu b'rata' mgħaġġla u r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta' 3.5% fir‑raba' trimestru tal‑2018, inqas mir‑rata rreġistrata fl‑istess trimestru sena qabel. Hija baqgħet ukoll taħt il‑kejl strutturali tal‑Bank ta' 4.1% u kompliet tissuġġerixxi livell ta' intensità fis‑suq tax‑xogħol.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur immoderat. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kienet fil‑livell ta' 1.2% f'Diċembru, tnaqqis minn 2.5% f'Settembru. Din il‑moderazzjoni kienet xprunata mill‑inflazzjoni fis‑servizzi, li kmieni matul is‑sena żdiedu f'salt wara reviżjoni fil‑piż tas‑servizzi relatati mat‑turiżmu. L‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li jqis biss l‑infiq mir‑residenti Maltin u għalhekk ma kienx affettwat minn din ir‑reviżjoni, batta marġinalment minn 1.6% f'Settembru għal 1.5% f'Diċembru. B'kuntrast għal dan, il‑kejl tal‑Bank tal‑inflazzjoni prinċipali aċċellera minn 0.7% għal 1.1% matul dan il‑perjodu. B'riżultat ta' dan, id‑differenza bejn ir‑rata tal‑inflazzjoni prinċipali u dik totali naqset.

Filwaqt li mmoderat iż‑żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur, il‑prezzijiet tal‑produtturi komplew jiżdiedu b'ritmu mgħaġġel. L‑ispiża għal kull unità tax‑xogħol ta' Malta kompliet tiżdied ukoll, għalkemm ir‑rata ta' bidla annwali battiet meta mqabbla mat‑trimestri ta' qabel. Sadattant, l‑indikaturi armonizzati tal‑kompetittività ta' Malta indikaw aktar telf annwali fil‑kompetittività, għalkemm tnaqqis fl‑indiċijiet fl‑aħħar tas‑sena meta mqabbel ma' Settembru jissuġġerixxi li d‑deterjorament fil‑kompetittività esterna li deher fis‑snin riċenti jista' jkun li beda jitreġġa' lura.

Matul l‑aħħar trimestru tal‑2018, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti naqas marġinalment meta mqabbel mat‑trimestru korrispondenti sena qabel. It‑tnaqqis fil‑bilanċ pożittiv irrifletta żieda fl‑iżbilanċ fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija, hekk kif kien hemm tnaqqis fil‑ħruġ nett mill‑introjtu primarju u sekondarju, filwaqt li l‑bilanċ pożittiv fuq is‑servizzi tela' marġinalment. Il‑bilanċ aġġustat ċiklikament baqa' wkoll f'bilanċ pożittiv.

Il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas meta mqabbel mal‑istess perjodu fl‑2017, hekk kif l‑infiq żdied b'rata aktar mgħaġġla mid‑dħul b'marġini kbar. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali bħala perċentwal tal‑PDG niżel għal 2.0% mil‑livell irreġistrat ta' 3.4% fl‑aħħar tal‑2017 u fit‑tielet trimestru tal‑2018. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG ma nbidilx minn tliet xhur qabel, għalkemm kompla jonqos fuq bażi annwali. Huwa għalaq is‑sena fil‑livell ta' 46.0% tal‑PDG.

Id‑depożiti ta' residenti ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel matul it‑trimestru ta' Diċembru. Bl‑istess mod kompla jirpilja t‑tkabbir fis‑self minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑kreditu lil residenti f'Malta li mhumiex parti mill‑gvern ġenerali. It‑tkabbir fis‑self għal xiri tad‑djar baqa' b'saħħtu, filwaqt li aċċellera s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji. Sadattant, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji baqa' strett minn perspettiva storika, u ddeterjora meta mqabbel mat‑tielet trimestru tal‑2018.

Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn l‑aħħar deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul l‑aħħar trimestru tal‑2018, il‑Kunsill żamm xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu baqgħu l‑istess, jiġifieri 0.00%, 0.25% u ‑0.40%, rispettivament. Il‑Kunsill aċċenna li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas tul is‑sajf tal-2019 u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ sabiex jiżgura l‑konverġenza tal‑inflazzjoni sostnuta b'mod kontinwu f'livelli taħt iżda qrib it‑2% fuq iż‑żmien medju. Madankollu, fis‑7 ta' Marzu 2019 il‑Kunsill Governattiv ħabbar li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE huma mistennija li jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas sal‑aħħar tal‑2019.

Minn Ottubru 2018, ix‑xiri nett taħt il‑programm ta' xiri ta' assi (APP) sar bir‑rata medja ta' kull xahar ta' €15‑il biljun. Ix‑xiri nett kompla b'dan ir‑ritmu sal‑aħħar ta' Diċembru u mbagħad intemm.

F'Ottubru, il‑Kunsill reġa' kkonferma l‑intenzjoni tiegħu li jkompli jinvesti mill‑ġdid, b'mod sħiħ, il‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw taħt l‑APP għal perjodu estiż ta' żmien wara t‑tmiem tax‑xiri nett ta' assi. Madankollu f'Diċembru l‑Kunsill ikkjarifika li l‑investiment sħiħ mill‑ġdid ser ikompli għal perjodu estiż ta' żmien wara d‑data meta jibda jgħolli r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE, u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja.

It‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' kull tliet xhur għall‑2019 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Lura lejn l-Arkivju