News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

16/05/2019 15:10:00

Waiting for populism? Problems of interpretation and policy implications – Four Lectures and a Conversation

Ħamsa u sebgħin ruħ attendew għall-avveniment Waiting for populism? Problems of interpretation and policy implications - Four Lectures and a Conversation. L‑udjenza kienet indirizzata minn kelliema awtorevoli mill‑Gran Brittanja, mill‑Finlandja, l‑Italja, Malta u n‑Netherlands. Il‑banek ċentrali tal‑Awstrija, il‑Ġermanja, il‑Greċja, l‑Italja, il‑Litwanja u Spanja wrew interess qawwi fl‑avveniment.

Il‑lekċers koprew spettru wiesa' ta' metodi analitiċi. L‑udjenza ġiet ippreżentata b'panorama multidixxiplinarja li pprovdiet fatti u spunti kritiċi ta' interpretazzjoni. Dr Olli Rehn, il‑Gvernatur tal‑Bank tal‑Finlandja, eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Finlandiż għall‑Ekonomija, iddiskuta l‑istimoli fundamentali għaż‑żieda fil‑populiżmu fid‑dawl tal‑esperjenza ta' pajjiżu.

Il‑Professur fl‑Ekonomija Donato Masciandaro mill‑Università Bocconi ta' Milan iddiskuta r‑relazzjonijiet bejn il‑populiżmu, it‑tfassil tal‑politika ekonomika u l‑indipendenza tal‑banek ċentrali. Il‑Professur Emeritu fis‑Soċjoloġija Nico Wildertink mill‑Università ta' Amsterdam argumenta li bidliet fl‑inugwaljanza soċjoekonomika, flimkien ma' tendenzi kontinwi fil‑globalizzazzjoni u l‑Ewropizzazzjoni, ikkontribwew għall-attrattività u s‑suċċess tal‑populiżmu.

It‑teoriku politiku l‑Professur Jason Glynos, mill‑Università ta' Essex fir‑Renju Unit, li jutilizza l‑għarfien kritiku minn psikoanaliżi Lacanjana biex jistudja d‑diskors politiku, inklużi l‑fantasiji politiċi, iddiskuta l‑irwol tal‑istudji dwar il‑populiżmu bħala faċilitaturi tal-identifikar tal-interessi ideoloġiko-normattivi u kif ukoll politiċi, kemm tad-diskors populist u kif ukoll tad-diskors dwar il-populiżmu.

Dr Mario Vella, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, argumenta li ma nistgħux nassumu li l‑populiżmu għandu jkun repetizzjoni ta' reġimi tal‑lemin tal‑passat. Għalkemm tentattivi sabiex jerġgħu jitqajmu ikoni faxxisti u nazisti għandhom jittieħdu bis‑serjetà, il‑periklu reali jinsab fin‑nuqqas mifrux ta' fiduċja fl‑istituzzjonijiet, inklużi dawk tal‑ekonomija, tal‑istabbiltà finanzjarja u tal‑politika monetarja.

L‑avveniment kien ippresedut minn Dr Emmy Eklundh ta' King's College London, istituzzjoni li magħha l‑Bank Ċentrali ta' Malta qiegħed jikkonkludi ftehim sabiex jippromwovi network Ewropew għar‑riċerka dwar il‑populiżmu. Id‑dibattitu tal‑għeluq kien ippresedut mill‑Professur Carmen Sammut, Pro‑Rettur tal‑Università ta' Malta. 

Waiting for populism? Problems of interpretation and policy implications Four lectures and a Conversation

Lura lejn l-Arkivju