News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019
03/05/2019
Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il‑Competitiveness Research Network
Il‑Ħamis 2 ta' Mejju saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar is‑sejbiet ewlenin mill‑Competitiveness Research Network (CompNet). Il-kelliem kien Dr Filippo di Mauro u l‑introduzzjoni saret miċ‑Chief Economist tal‑Bank Dr Aaron G. Grech.
Dr di Mauro hu espert ekonomiku ewlieni fuq il‑produttività u l‑kompetittività internazzjonali tal‑pajjiżi u l‑kumpaniji. Attwalment huwa Professur tal‑Ekonomija fil‑Business School ġewwa l‑Università Nazzjonali ta' Singapore u konsulent tal‑Awtorità Monetarja ta' Singapore, tal‑Bord għall‑Iżvilupp Ekonomiku ta' Singapore u tal‑Bank Dinji. Hu għandu aktar minn tletin sena esperjenza f'organizzazzjonijiet internazzjonali u banek ċentrali. Ħadem fil‑Bank Asjatiku għall‑Iżvilupp, il‑Fond Monetarju Internazzjonali, il‑Bank Ċentrali tal‑Italja, il‑Bank Ċentrali Ewropew u l‑Federal Reserve tal‑Istati Uniti.
Dr di Mauro hu l‑fundatur u l‑president ta' CompNet, in‑network ewlieni fuq ir‑riċerka tal‑produttività fl‑Ewropa. CompNet huwa sforz konġunt tal‑banek ċentrali u tal‑istituzzjonijiet tal‑UE sabiex jifhmu kif il‑produttività tal‑kumpaniji tinbidel fl‑era tad‑diġitalizzazzjoni u l‑ktajjen ta' valur globali integrati. Riċentement waqqaf network tal‑produttività Asjatika.
L‑interessi tiegħu attwali ta' riċerka jinkludu l‑allokazzjoni mill‑ġdid tal‑produttività u r‑riżorsi bl‑użu ta' data fil‑livell tal‑kumpaniji, kif ukoll l‑immudellar tar‑rabtiet globali u tat‑tbassir taċ‑ċiklu tan‑negozju, inklużi l‑kummerċ globali u l‑ktajjen ta' valur. Dr di Mauro għandu rekord wiesa' ta' pubblikazzjonijiet, inklużi f'ġurnali akkademiċi bħall‑Journal of Applied Econometrics, il‑Journal of International Money and Finance, u l‑Economic Policy.
Fil‑lekċer tiegħu, Dr di Mauro ddeskriva fid‑dettall is‑sejbiet ewlenin minn din in‑network għar‑riċerka. Il‑letteratura ekonomika ilha għal żmien twil tirrikonoxxi li d‑data fil‑livell tal‑kumpaniji tagħti informazzjoni kruċjali sabiex tinftiehem il‑kompetittività aggregata, hekk kif l‑andament aggregat jiddependi ħafna mid‑deċiżjonijiet fil‑livell tal‑kumpaniji. Barra minn hekk, eteroġeneità mifruxa fl‑imġiba tal‑kumpaniji hija issa rikonoxxuta sew fiċ‑ċrieki akkademiċi u tal‑politika, u tenfasizza l‑limiti tal‑mudelli bbażati fuq l‑ipoteżi tal‑aġent rappreżentattiv. Għal dawn ir‑raġunijiet, hemm domanda dejjem tikber mill‑akkademiċi u l‑istituzzjonijiet tal‑politika għal statistika tal‑kumpaniji komparabbli bejn il‑pajjiżi. CompNet inħoloq fl‑2012 - fi ħdan is‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali - sabiex jipprovdi riżorsi u biex iservi bħala ċentru għal ekonomisti interessati li jifhmu aħjar l‑iżviluppi fil‑kompetittività, li hija wkoll kruċjali sabiex tkun infurmata l‑politika monetarja.
Dr di Mauro argumenta li kontribut ewlieni tal‑CompNet kien il‑ħolqien ta' database, issa fis‑sitt edizzjoni tagħha, ta' indikaturi mikroaggregati tal‑produttività, l‑impjiegi, il‑kompetizzjoni u l‑pożizzjoni finanzjarja tal‑kumpaniji għal madwar 20 pajjiż tal‑UE. Ir‑riżultat hu ammont sostanzjali ta' informazzjoni dwar l‑istruttura ekonomika tal‑UE, li tikkonsidra għalkollox li l‑kumpaniji huma eteroġenei. Din id‑database hi disponibbli anke għal riċerkaturi lil hinn min‑network. Il‑lekċer iffukat dwar ftit fatti u applikazzjonijiet stilizzati li joħorġu mill‑aħħar database ta' CompNet ta' bejn il‑pajjiżi. Dr di Mauro saħaq li għalkemm il‑korrelazzjonijiet ovvjament ma jimplikawx kawżalità, uħud minn dawn il‑fatti ġodda jistgħu ċertament jistimulaw il‑kurżità għal riċerkaturi entużjasti jew ispirazzjoni għal dawk li jfasslu l‑politika.
Dr di Mauro huwa t‑tmintax‑il kelliem internazzjonali li pparteċipa fl‑avvenimenti li saru l‑Bank Ċentrali ta' Malta sa mill‑2018.


Lura lejn l-Arkivju