News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2019

18/03/2019 11:00:00

Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta bit-tema “Knightian uncertainty and asset prices”

Il‑Ġimgħa 15 ta' Marzu, il‑Professur Sujoy Mukerji, Head of the School of Economics and Finance ġewwa Queen Mary University of London (QMUL), għamel lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta bit‑tema "Knightian uncertainty and asset prices". L‑introduzzjoni għall‑kelliem saret miċ‑Chief Economist tal‑Bank Dr Aaron G. Grech.

Il‑Professur Mukerji studja fid‑Delhi School of Economics u l‑Yale University fejn kiseb il‑PhD. Huwa daħal fil‑QMUL minn Oxford University (University College). Ir‑riċerka tiegħu primarjament kienet fuq it‑teħid ta' deċiżjonijiet taħt inċertezza ambigwa (xi kultant imsejħa "Knightian Uncertainty"), il‑pedamenti u r‑relevanza tagħha f'kuntesti ekonomiċi u finanzjarji. L‑interessi usa' tiegħu ta' riċerka jinsabu fl‑intersezzjoni tar‑razzjonalità limitata u t‑teorija ekonomika. Il‑Professur Mukerji ppubblika b'mod wiesa' fil‑ġurnali ewlenin tal‑ekonomija u huwa editur assoċjat fl‑Econometrica, l‑iktar ġurnal meqjus tal‑professjoni.

Fil‑lekċer tiegħu, il‑Professur Mukerji ddiskuta diversi żviluppi riċenti fit‑teorija tat‑teħid ta' deċiżjonijiet taħt inċertezza u argumenta li dawn it‑teoriji u l‑mudelli ġodda huma utli ħafna sabiex jiġu spjegati u mifhuma l‑fatti ewlenin tal‑kriżi ta' kreditu ta' bejn l‑2008 u l‑2012 u l‑varjazzjonijiet fil‑prezzijiet tal‑assi. Barra minn hekk, hu argumenta li l‑fehim tal‑kriżijiet ta' kreditu bbażat fuq dawn it‑teoriji għandu implikazzjonijiet sinifikanti ta' politika dwar kif kriżijiet bħal dawn jistgħu jittaffew. Filwaqt li l‑artikolazzjoni formali tat‑teoriji seħħet biss riċentement, l‑ideat influwenti kienu diġà tressqu 'l quddiem fis‑snin għoxrin tas‑seklu għoxrin minn Keynes u Knight, li indikaw li għal ħafna deċiżjonijiet importanti ekonomiċi, il‑persuna li tieħu d‑deċiżjonijiet iffaċċjat inċertezza "ġenwina" tat‑tip fejn il‑persuna ma kellhiex informazzjoni affidabbli ħafna dwar il‑probabbiltajiet relevanti.

Riċentement il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑QMUL stabbilixxew programm għall‑viżitaturi akkademiċi, li ser jippermetti l‑impenn ta' riċerkaturi li jattendu sabiex iwettqu riċerka dwar proġetti miftiehma b'mod konġunt. Fl‑2018, iż‑żewġ istituzzjonijiet organizzaw konferenza konġunta f'Londra bit‑tema "The euro: Views from the Commonwealth".

Din hija t‑tielet lekċer minn kelliem internazzjonali li saret il‑Bank din is‑sena. Matul l‑2018, il‑Bank ospita erbatax‑il kelliem internazzjonali.

Preżentazzjoni mogħtija mill-Professur Sujoy Mukerji

Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta bit-tema “Knightian uncertainty and asset prices”

Lekċer pubblika ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta bit-tema “Knightian uncertainty and asset prices”

Central Bank of Malta public lecture on Knightian uncertainty and asset prices

Lura lejn l-Arkivju