News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

22/02/2019

Ħruġ tal-karti tal-flus il-ġodda tal-€100 u l-€200 tas-Sensiela Europa

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq ifakkar lill‑pubbliku li l‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, l‑aħħar żewġ denominazzjonijiet tas‑sensiela Europa, ser jidħlu fiċ‑ċirkolazzjoni fit‑28 ta' Mejju 2019.

Il‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200 jagħmlu użu minn karatteristiċi tas‑sigurtà ġodda u innovattivi. Bħad‑denominazzjonijiet l‑oħrajn, il‑karti tal‑flus il‑ġodda jistgħu jiġu ċċekkjati faċilment bl‑użu tal‑metodu "feel, look and tilt". Fuq in‑naħa ta' fuq tal‑istrixxa lewn il‑fidda, l‑ologramma satellitari turi simboli żgħar tal‑€ li jiċċaqalqu madwar in‑numru u jsiru iktar ċari taħt id‑dawl dirett. L‑istrixxa lewn il‑fidda turi wkoll ix‑xbieha ta' wiċċ Europa, il‑motif arkitettoniku u simbolu kbir tal‑€. Il‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200 jinkorporaw ukoll numru żmerald imsaħħaħ. Filwaqt li n‑numru żmerald innifsu huwa preżenti fuq il‑karti tal‑flus l‑oħra kollha tas‑sensiela Europa, din il‑verżjoni msaħħa turi wkoll simboli tal‑€ ġewwa n-numri.

Il‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200 huma ta' daqs differenti mill‑karti tal‑flus il‑qodma tal‑€100 u l‑€200. Iż‑żewġ denominazzjonijiet issa huma tal‑istess għoli bħall‑karta tal‑flus tal‑€50. Madankollu, it‑tul tagħhom baqa' l‑istess - iktar ma tkun twila l‑karta, ikbar ikun il‑valur tagħha. Peress li l‑karti tal‑flus tal‑€50, tal‑€100 u tal‑€200 issa huma tal‑istess għoli, jistgħu jiġu mmaniġġati u pproċessati mill‑magni iktar faċilment. Huma se joqogħdu aħjar ukoll fil‑kartieri tan‑nies u jservu iktar għax se jkunu inqas suġġetti għat‑tħassir.

Flimkien mal‑karatteristiċi tas‑sigurtà li tista' tarahom b'għajnejk, il‑karti tal‑flus tal‑euro fihom ukoll karatteristiċi tas‑sigurtà li jinqraw mill‑magni. Dawn il‑karatteristiċi ġew imsaħħin fuq il‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, u ġew miżjuda karatteristiċi ġodda sabiex il‑karti tal‑flus jiġu pproċessati u awtentikati malajr. Bil‑bidla għall‑karti l‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, is‑sett kollu ta' karti tal‑flus tal‑euro ser ikompli joffri protezzjoni qawwija kontra l‑falsifikazzjoni tal‑flus. Dan jagħmel il‑karti tal‑flus tal‑euro saħansitra iktar siguri, iżda wkoll iktar faċli li jiġu ċċekkjati u mmaniġġati.

L‑Eurosistema - il‑Bank Ċentrali Ewropew u d‑dsatax‑il bank ċentrali nazzjonali taż‑żona tal‑euro - qiegħda tappoġġja lill‑manifatturi u s‑sidien ta' magni li jimmaniġġjaw il‑karti tal‑flus u tagħmir għall‑awtentikazzjoni fil‑preparazzjoni għall‑karti tal‑flus il‑ġodda. Dan jinkludi l‑iffaċilitar tal-ittestjar tat-tagħmir u l-pubblikazzjoni ta' lista ta' magni li jipproċessaw il‑karti tal‑flus li wrew b'suċċess li jistgħu jipproċessaw il‑karti tal‑flus il‑ġodda tas‑sensiela Europa.

Minħabba f'hekk, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jirrakkomanda lill‑intrapriżi kummerċjali lokali kollha li jimmaniġġjaw il‑flus sabiex jikkuntattjaw lill‑fornituri u l‑manifatturi tal‑magni tagħhom li jimmaniġġjaw il‑flus u tat‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni sabiex itejbuhom mingħajr dewmien, biex b'hekk jiżguraw li dawn jaċċettaw biss karti tal‑flus ġenwini.

Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi sapport, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza u informazzjoni dwar il‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200.

Kull min jeħtieġ assistenza għandu jikkuntattja lill‑Bank Ċentrali ta' Malta billi jċempel fuq 2550 6010/12/13 jew billi jibgħat email lill‑Bank.

Il-karti tal-flus il-ġodda tal-€100 tas-Sensiela Europa

Il-karti tal-flus il-ġodda tal-€200 tas-Sensiela Europa

Lura lejn l-Arkivju