News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

15/02/2019 17:30:00

Laqgħa tal-Kostitwenza tal-IMF u l-Bank Dinji

F'Malta llum saret laqgħa tal‑'kostitwenza' tal‑IMF u l‑Bank Dinji li għaliha Malta tappartjeni. Stati membri tal‑IMF u l‑Bank Dinji huma organizzati f'kostitwenzi, jiġifieri gruppi ta' pajjiżi li għandhom karatteristika komuni waħda jew aktar, inkluża l‑prossimità ġeografika.

Kull kostitwenza taħtar Diretturi Eżekuttivi sabiex jirrappreżentawha fil‑Bordijiet Eżekuttivi tal‑IMF u l‑Bank Dinji. Id‑Diretturi Eżekuttivi attwali huma Domenico Fanizza u Patrizio Pagano, rispettivament. Il‑kostitwenza ta' Malta tinkludi wkoll l‑Albanija, il‑Greċja, l‑Italja, il‑Portugall u San Marino. Il‑kostitwenza tal‑Bank Dinji tinkludi wkoll lil Timor Leste.

Il‑laqgħa tal‑kostitwenza tal‑lum ġewwa l‑Belt Valletta hija t‑tielet laqgħa barra mill‑kuntest tradizzjonali tal‑laqgħat tal‑IMF u l‑Bank Dinji f'Washington DC, wara l‑laqgħat tal‑2017 u l‑2018 f'Ruma u Liżbona, rispettivament.

Il‑laqgħa ġabret flimkien Gvernaturi u Gvernaturi Alternattivi tal‑pajjiżi membri tal‑kostitwenza ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta u ġiet ospitata mill‑Ministru għall‑Finanzi Edward Scicluna u l‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali Mario Vella. Il‑parteċipanti ddiskutew kwistjonijiet strateġiċi tal‑IMF u l‑Bank Dinji. Ġew ukoll indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza tal-ġeneru. 

Laqgħa tal-Kostitwenza tal-IMF u l-Bank Dinji

Laqgħa tal-Kostitwenza tal-IMF u l-Bank Dinji

Laqgħa tal-Kostitwenza tal-IMF u l-Bank Dinji

Lura lejn l-Arkivju