News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

12/02/2019

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta bi kjarifika rigward l-artiklu tan-New York Times tas-7 ta’ Frar 2019

L‑artiklu li deher fis‑7 ta' Frar 2019 fin‑New York Times bit‑titlu Where Europe Would Be Hurt Most by a No‑Deal Brexit juri grafika bit‑titlu Share of lending by banks located in Britain u legend li jaqra (kwotazzjoni) "Households and businesses in Malta rely on British‑based banks for almost 40% of foreign lending".

Il‑link fis‑sors li niżżlu l‑ġurnalisti taħt il‑grafika tindika li użaw data mill‑BIS Consolidated Banking Statistics (CBS). Madankollu, il‑pożizzjonijiet irrappurati fil‑BIS CBS ma jirreferux għal banek li jinsabu fir‑Renju Unit imma għal banek li għandhom il‑kwartieri ġenerali fir‑Renju Unit. Il‑pożizzjonijiet tal‑BIS CBS li rreferew għalihom il‑ġurnalisti jinkludu mhux biss il‑klejms transkonfinali ta' banek tar‑Renju Unit fuq residenti f'Malta, iżda wkoll klejms ta' sussidjarji u fergħat f'Malta ta' banek li għandhom il‑kwartieri ġenerali fir‑Renju Unit.

Is‑sehem ta' 40% rrappurtat fl‑artiklu tan‑New York Times jiżgwida l-qarrejja għaliex jinkorpora self lil households u negozji minn sussidjarji inkorporati lokalment ta' gruppi ta' banek tar‑Renju Unit, liema self ma jistax jiġi kkunsidrat bħala self barrani.

L‑istimi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta juru li s‑sehem tal‑ħtiġijiet tas‑self minn households u kumpaniji mhux finanzjarji li oriġina mir‑Renju Unit hu biss madwar 5% tas‑self barrani totali għall‑kuntrarju tal‑40% rrappurtat fl‑artiklu. Barra dan, skont Malta's Financial Accounts Statistics (from Whom-to-Whom Accounts), is‑sehem tas‑self totali mhux konsolidat tal‑households u n‑negozji li oriġina mill-bqija tad-dinja kien biss 12.9% fl‑2016. Fil‑fatt, il‑Bank mhux jistenna effetti fuq l‑operat ta' sussidjarji domestiċi ta' istituzzjonijiet bankarji prinċipali fir‑Renju Unit minħabba Brexit. L‑artiklu tan‑New York Times jiddikjara b'mod esaġerat l‑impatt tal‑Brexit fuq is‑settur finanzjarju f'Malta, anke fil‑każ ta' 'No-Deal Brexit'.

Lura lejn l-Arkivju