News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

11/02/2019

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – L-Ewwel Ħarġa tal-2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għas‑sena 2019, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it‑tielet trimestru tal‑2018. Din il‑ħarġa tinkludi wkoll analiżi fuq miżura iktar wiesgħa tal-andament fis-suq tax-xogħol f'Malta ma' dak fiż‑żona tal‑euro.

Barra minn hekk, ir‑rivista tinkludi studju dwar l-iżvilupp tal‑unitajiet residenzjali f'Malta u kif ukoll analiżi tax-xejriet fit‑tul fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑ingrossa u bl‑imnut u l‑irwol tagħhom fl‑ekonomija Maltija. Din il‑ħarġa tinkludi wkoll it‑traskrizzjoni ta' lekċer pubblika ta' Dr Stefano Siviero, Kap tal‑Economic Outlook and Monetary Policy Directorate ġewwa l‑Banca d'Italia bit‑tema Unconventional Monetary Policy in the Euro Area: Macroeconomic Context, Effectiveness, Unintended Consequence, and Normalisation li saret ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta fid‑29 ta' Ottubru 2018.

Traskrizzjoni tad‑diskors Dynamic but Vigilant li sar mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑ikla annwali tal‑Institute of Financial Services hija inkluża wkoll f'din il‑ħarġa.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi ekonomiċi matul it‑tielet trimestru tal‑2018, ir‑rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu mgħaġġel, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'7.5% f'termini annwali, wara żieda ta' 6.2% fit‑trimestru preċedenti, aktar minn erba' darbiet ir‑rata rreġistrata fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi. L‑espansjoni ekonomika kienet xprunata l‑aktar mid‑domanda domestika, għalkemm il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta kien pożittiv ukoll.

B'kuntrast mat‑tkabbir fil‑PDG, it‑tkabbir potenzjali tal-produzzjoni batta bi ftit għal 5.4% matul it‑trimestru kopert, minn 5.7% fit‑tieni trimestru tal‑2018. Id‑differenza pożittiva bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali, imkejla bħala moving average fuq erba' trimestri, żdiedet matul it‑trimestru kopert, għalkemm il‑livell ta' utilizzazzjoni żejda tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija baqa' simili tal‑livelli stmati għall‑istess trimestru tal‑2017 u taħt il‑livelli tal‑2015 u l‑2016.

L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju żdied marġinalment meta mqabbel mat‑trimestru preċedenti u kompla jindika kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. L‑aħħar stimi jissuġġerixxu li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi jidhru li huma stabbli b'mod ġenerali matul it‑trimestru, anke jekk inqas b'saħħithom mill‑2014 u l‑2015.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, b'żidiet qawwija fl‑impjiegi u aktar tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad naqset għal 3.7% fit‑tielet trimestru tal‑2018, minkejja żieda oħra fir‑rati tal‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol u żieda fl‑impjiegi barranin.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni, imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), aċċellerat għal 2.5% f'Settembru minn 2.0% tliet xhur qabel, primarjament minħabba kontribut ogħla mill‑prezzijiet tal‑ikel, għalkemm il‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija u l‑inflazzjoni tal‑prezzijiet tal‑enerġija żdiedu wkoll. L‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP kienet ogħla minn dik fiż‑żona tal‑euro, li għalqet it‑tielet trimestru fil‑livell ta' 2.1%. L‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li tqis biss ix‑xiri mill‑households Maltin, telgħet għal 1.6% f'Settembru minn 1.0% f'Ġunju. B'kuntrast għal dan, il‑kejl tal‑Bank tal‑inflazzjoni prinċipali niżel bi ftit għal 0.7%. It‑tnaqqis fl‑inflazzjoni prinċipali meta mqabbel mal‑inflazzjoni ewlenija jissuġġerixxi li l‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP hi xprunata primarjament minn tkabbir qawwi fil‑prezzijiet ta' sottokomponenti volatili magħżula.

Iż‑żieda fl‑ispejjeż għall‑produtturi mmoderat. It‑tkabbir annwali fl‑Indiċi tal‑Prezzijiet tal‑Produtturi naqas għal 3.8% f'Settembru minn 6.6% tliet xhur qabel. L‑indiċi tal‑ispiża għal kull unità tax‑xogħol ta' Malta, imkejjel bħala moving average fuq erba' trimestri, naqas ukoll. B'kuntrast għal dan, l‑Indikaturi Armonizzati tal‑Kompetittività ta' Malta indikaw aktar deterjorament fil‑kompetittività esterna minħabba rati mhux favorevoli tal‑kambju u żviluppi relattivi fil‑prezzijiet.

Il‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied matul it‑tielet trimestru tal‑2018. Dan irrifletta żieda fil‑bilanċ pożittiv nett mill‑kummerċ fis‑servizzi. Il‑kejl tal‑Bank tal‑kont kurrenti aġġustat għall‑fatturi ċikliċi kien simili għall‑kejl ewlieni. Dan jissuġġerixxi li dan il‑bilanċ pożittiv jirrifletti primarjament il‑fatturi strutturali barra l‑pożizzjoni ċiklika tal‑ekonomija.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali naqas meta mqabbel ma' sena qabel. Dan seħħ primarjament minħabba żieda sinifikanti fl‑infiq primarju li kkumpensat għal dik fid‑dħul. Meta mkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, il‑proporzjon tal‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali għall‑PDG naqas għal 3.6% fit‑tielet trimestru minn 3.9% fit‑tliet xhur preċedenti. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali bħala sehem tal‑PDG naqas aktar bi 3.1 punti perċentwali għal 45.9%.

Id‑depożiti ta' residenti f'Malta ma' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f'Malta komplew jiżdiedu matul it‑tielet trimestru tal‑2018. Fl‑istess waqt it‑tkabbir fis‑self irpilja minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑kreditu lil residenti f'Malta li mhumiex parti mill‑gvern ġenerali. It‑tkabbir fis‑self għal xiri ta' proprjetà residenzjali lill‑households baqa' b'saħħtu, filwaqt li t‑tkabbir fis‑self tal‑banek lil kumpaniji mhux finanzjarji wera aktar sinjali ta' rkupru. Sadattant kien hemm titjib fl‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji, għalkemm kompla jindika kundizzjonijiet stretti meta mqabbel ma' standards storiċi.

Ir‑rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tielet trimestru tal‑2018, il‑Kunsill kompla bix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Ir‑rati tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, fuq il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità ta' depożitu baqgħu l‑istess. Il‑Kunsill Governattiv aċċenna wkoll li kompla jistenna li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE jibqgħu fil‑livelli attwali tagħhom tal‑inqas matul is‑sajf tal‑2019.

Konformi mad‑deċiżjoni tal‑Kunsill, ix‑xiri taħt il‑programm ta' xiri ta' assi (APP) kompla jsir bir‑rata ta' kull xahar ta' €30 biljun sal‑aħħar ta' Settembru 2018. Minn Ottubru, dan ix‑xiri sar bir‑rata' ta' kull xahar ta' €15‑il biljun. Ix‑xiri ta' assi kompla sal‑aħħar ta' Diċembru u mbagħad intemm.

Il‑Kunsill afferma mill‑ġdid ukoll li għandu l‑intenzjoni li jkompli jinvesti mill‑ġdid u b'mod sħiħ il‑pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw mixtrija taħt l‑APP għal perjodu estiż ta' żmien wara t‑tmiem tax‑xiri nett ta' assi, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex iżomm kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja. F'Diċembru, il‑Kunsill ikkjarifika li din il‑politika ser tkompli għal perjodu estiż ta' żmien wara d‑data meta jibda jgħolli r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE, u fi kwalunke każ sakemm ikun meħtieġ.

L‑ewwel ħarġa tar‑rivista ta' kull tliet xhur għall‑2019 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju