News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

01/02/2019

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Fit‑tieni nofs tal‑2018, ġew irrappurtati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta 286 karta tal‑flus tal‑euro falza. B'hekk, l‑ammont totali ta' karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni għas‑sena 2018 kien ta' 677, tnaqqis ta' 24.2% meta mqabbel mal‑figuri tas‑sena ta' qabel.

Meta jitqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 11.22 miljun fit‑tieni nofs tal‑2018), il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.11%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 262,000 karta tal‑flus.

Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f'Malta matul it‑tieni nofs tas‑sena, id‑denominazzjonijiet tal‑€20 u tal‑€50 jibqgħu l‑iktar denominazzjonijiet iffalsifikati u jammontaw għal 78% tat‑total tal‑flus foloz maqbuda. Matul dan il‑perjodu, il‑perċentwal tal‑karta tal‑€50 żdied filwaqt li naqas tal‑€20.

It‑tabella li ġejja tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fit‑tieni nofs tal‑2018, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal‑Euro

1.6

2.6

22.7

61.8

9.0

0.9

1.4

Malta

1.1

8.0

24.1

53.9

11.5

1.1

0.3

Il‑Bank jixtieq ifakkar lill‑pubbliku li l‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, l‑aħħar żewġ denominazzjonijiet tas‑Sensiela Europa b'karatteristiċi msaħħin ta' sigurtà, ser jidħlu fiċ‑ċirkolazzjoni fit‑28 ta' Mejju 2019. Il‑manifatturi u l‑fornituri tat‑tagħmir tal‑karti tal‑flus ser ikomplu jirċievu sapport mill‑Eurosistema fl‑adattament tal‑magni u t‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni. L‑intrapriżi kummerċjali kollha li jimmaniġġjaw il‑flus huma avżati sabiex jikkuntattjaw lill‑fornituri u l‑manifatturi sabiex itejbu t‑tagħmir u l‑apparat tagħhom mingħajr dewmien, biex b'hekk jiżguraw li  dawn jaċċettaw biss karti tal‑flus ġenwini.

Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jistgħu jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL‑LOOK‑TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi sapport, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza, u anke lil dawk li jridu iktar informazzjoni relatata mal‑introduzzjoni tal‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200.

Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑Pulizija fuq 2294 2120, jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lill-Bank.

Lura lejn l-Arkivju