News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018

17/12/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 12/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' Diċembru 2018.

F'Novembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta ftit fuq ix‑xahar ta' qabel u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku żdied, hekk kif kien hemm titjib fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑bejgħ bl-imnut, tal‑industrija u s‑servizzi. Sadattant, il‑fiduċja fost il‑konsumaturi naqset bi ftit, għalkemm baqgħet għolja minn perspettiva storika, u baqgħet b'mod ġenerali l‑istess fis‑settur tal‑kostruzzjoni.

L‑attività fit‑turiżmu żdiedet b'ritmu inqas mgħaġġel f'termini annwali. Kien hemm żieda fil‑produzzjoni industrijali, filwaqt li naqas il‑bejgħ lill‑konsumaturi fuq is‑sena ta' qabel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad komplew jonqsu fuq il‑livelli tas‑sena l‑oħra.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) immoderat għal 2.0% f'Ottubru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, ma nbidlitx u baqgħet 1.6%.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta kienet stabbli fil‑livell ta' 4.5%. Ir‑rata tat‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta ma nbidlitx ukoll u baqgħet fil‑livell ta' 2.6%.

Sadattant, id‑defiċit tal‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali naqas kważi bin‑nofs fuq l‑istess xahar tas‑sena l‑oħra.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Lura lejn l-Arkivju